STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA Iktar riżorsi fiċ-Ċentru Malti tal-Arbitraġġ
Kamra addizzjonali fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ fil-Belt Valletta se sservi bħala post ieħor biex isiru s-seduti tal-arbitraġġ. Il-kamra fiha t-tagħmir neċessarju, inkluż dak awdjoviżiv, biex tipprovdi ambjent fejn l-arbitri, il-partijiet, u l-avukati tagħhom iżommu s-seduti.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard għamel żjara f'dan iċ-ċentru, fil-preżenza taċ-Chairman Paul Cachia, ir-reġistratur taċ-Ċentru tal-Arbitraġġ Fiona Galea Farrugia, u l-Bord tal-Gvernaturi fi ħdan l-istess arbitraġġ.
Il-Ministru Jonathan Attard esprima sodisfazzjon li żdiedet id-domanda għaċ-ċentru, u li saħansitra din wasslet għall-bżonn ta' din il-kamra addizzjonali għas-smigħ tas-seduti. “Iż-żieda ta' din il-kamra tas-seduti turi l-impenn tal-gvern li jiffaċilita l-aċċess għall-arbitraġġ. L-arbitraġġ huwa għodda importanti li jgħinna ntaffu l-piż minn fuq il-qorti, kif ukoll iservi ta' ċentru internazzjonali ta' livell għoli biex jiġu riżolti l-kunflitti."
F'laqgħa mal-ministru li saret tul iż-żjara, Paul Cachia aċċenna li l-għan aħħari tal-Bord tal-Gvernaturi hu li jkompli jisaħħaħ iċ-Ċentru tal-Arbitraġġ Malti, kemm minn aspett domestiku kif ukoll internazzjonali. Huwa kompla jgħid li qed issir ħidma kontinwa biex jiġi assigurat li bħala ċentru jipprovdi l-faċilitajiet meħtieġa għat-tmexxija ta' arbitraġġ.
Iċ-Ċentru Malti tal-Arbitraġġ ilu jopera minn Marzu tas-sena 2000, u sa mit-twaqqif taċ-ċentru ġew ippreżentati 'l fuq minn 6,000 każ. It-tilwim li jiġi riferut liċ-ċentru jikkonċerna oqsma varji, fosthom tilwim dwar il-bini u kostruzzjoni, tilwim ta' natura ċivili u kummerċjali, tilwim dwar kwistjonijiet marittimi, u tilwimiet oħra li bil-liġi jridu jiġu riferuti liċ-ċentru – bħal tilwim dwar servizzi ta' dawl u ilma, ċertu tilwim li jirrigwarda l-kondominju, u tilwim li jikkonċerna ħabtiet bejn vetturi.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946