STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Skema oħra li tista’ toffri enerġija nadifa għal 6,000 dar
Sejħiet għall-Offerti għal stallazzjonijiet ta' enerġija rinnovabbli sa massimu ta' 1MW
Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) flimkien mal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża qed iniedu proċess, għat-tieni sena konsekuttiva, biex investituri privati jitfgħu l-offerti tagħhom ħalli jiżviluppaw stallazzjonijiet ta' enerġija rinnovabbli kbar, bħal solar farms u wind turbines.
Ir-Regolatur qed jiftaħ din is-sejħa għal sistemi b'kapaċità li tibda minn 40kWp (kilowatt peak) sa massimu ta' 1MWp (megawatt peak).
F'konferenza indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tar-REWS, l-Inġ. Marjohn Abela, il-Gvern ippreżenta l-pjan għal din is-sena.
Permezz tal-iskema ġdida, jekk l-allokazzjoni tittieħed kollha, il-Gvern se joffri appoġġ finanzjarju biex investituri privati jiġġeneraw biżżejjed enerġija nadifa għal madwar 6,000 dar, li jfisser sa 10,000 tunnellata inqas tniġġis tad-diossidju tal-karbonju (carbon dioxide) fis-sena.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li b'din l-iskema l-Gvern ser jinvesti sa massimu ta' €74 miljun f'enerġija nadifa, fuq 20 sena.
“Qed naħdmu biex inżidu s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli f'pajjiżna, liema investiment se jgħinna nsaħħu s-sigurta fil-provvista u d-diversifikazzjoni fil-ġenerazzjoni tal-enerġija filwaqt li noħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda u aktar green jobs. Dan jikkumplimenta l-viżjoni ta' pajjiżna għal ekonomija dekarbonizzata sal-2050," qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Dan l-investiment se jgħin lil Malta u Għawdex jindirizzaw numru ta' għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli, li jinkludu SDG 7, SDG 9, SDG 12 u SDG 13.
Permezz ta' skema ta' din ix-xorta mnedija s-sena li għaddiet, ser ikunu qed jitlestew 36 proġett. Dawn is-sistemi ser ikunu qed jiġġeneraw enerġija nadifa b'kapaċità massima ta' 10 megawatt. Dan ifisser li dawn is-sistemi ser jiġġeneraw biżżejjed elettriku għal madwar 4,220 dar, sabiex pajjiżna jiffranka mas-7,000 tunnellata tniġġis tad-diossidju tal-karbonju fl-arja kull sena.
L-Inġ. Marjohn Abela spjega kif l-Avviż tal-Gvern għall-iskema ġdida ta' din is-sena jipprovdi għal ħames sejħiet (ITB) għall-għotja fuq l-elettriku ġġenerat minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli ta' ġenerazzjoni minn 40kW sa inqas minn 200kW, u minn 200kW sa inqas minn 1mW rispettivament. “Kull sejħa għall-allokazzjoni tal-għajnuna tinkludi sejħa għal kull kategorija," spjega l-Inġ. Abela. “Il-kapaċità disponibbli għall-għotja, hekk ikkalkulata, se tkun ippublikata fid-dokument tal-ITB ta' kull sejħa rispettiva. Il-Gvern jista' jirrevedi l-metodoloġija wżata għall-kalkolu tal-kapaċitajiet disponibbli għall-allokazzjoni tal-għajnuna."
L-offerti se jkunu mqassmin f'ħames sejħiet:
| Sejħa ITB | Data tal-ftuħ għas-sottomissjoni tal-offerti | Data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-offerti |
| Sejħa Nru 1 | Il-Ġimgħa, 14 t' Ottubru 2022 | It-Tnejn, 24 t' Ottubru 2022 |
| Sejħa Nru 2 | L-Erbgħa, 04 ta' Jannar 2023 | Il-Ħamis, 12 ta' Jannar 2023 |
| Sejħa Nru 3 | L-Erbgħa, 05 t' April 2023 | Il-Ħamis, 13 t' April 2023 |
| Sejħa Nru 4 | It-Tlieta, 04 ta' Lulju 2023 | L-Erbgħa, 12 ta' Lulju 2023 |
| Sejħa Nru 5 | It-Tlieta, 03 t' Ottubru 2023 | L-Erbgħa, 11 t' Ottubru 2023 |
Għal aktar informazzjoni teknika u kjarifiċi, ir-REWS se jkun qiegħed jorganizza laqgħa nhar it-13 ta' Settembru.
Iktar dettalji jinstabu fuq https://www.rews.org.mt/#/en/tenders/224
Aktar informazzjoni:
L-offerti għandhom isiru strettament bl-email lil procurement@rews.org.mt u se jintlaqgħu mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma li se jamministra dan il-proċess tal-offerti f'isem l-Awtorità Kontraenti, skont il-perjodi ta' żmien stabbiliti fl-Avviż tal-Gvern u kif iddettaljat fid-dokument tal-ITB għal kull sejħa għall-offerti. L-offerenti magħżula huma meħtieġa li jiffirmaw kuntratt mal-Awtorità Kontraenti. Is-suġġett tal-email bl-offerta għandu jkun immarkat b'mod ċar skont l-istruzzjonijiet fid-dokument ITB. L-email procurement@rews.org.mt għandu jintuża biss għas-sottomissjoni tal-offerti, filwaqt li l-email regulator@rews.org.mt għandu jintuża għal kwalunkwe korrispondenza oħra relatata mal-ITBs.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946