STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Imniedi l-programm tal-voluntiera għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar
Tnieda l-programm tal-voluntiera għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, li se jsiru f'pajjiżna bejn Mejju u Ġunju tas-sena d-dieħla, waqt attività li saret mill-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta. Għal dawn il-logħob qed issir sejħa għal dawk kollha li huma interessati li jgħinu b'mod volontarju, li għalihom se tkun esperjenza u opportunità unika li jipparteċipaw, b'mod dirett kif ukoll indirett, f'dan l-avveniment sportiv prestiġjuż li se jsir f'pajjiżna.
“Qed isiru tħejjijiet kbar għal dan l-avveniment sportiv u llum qed immorru pass ieħor billi qed nagħmlu din is-sejħa għal dawk kollha li jixtiequ li jipparteċipaw bħala voluntiera," qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. Huwa kompla jgħid li għaddej ħafna xogħol bi tħejjija għal dan l-avveniment, li mhuwiex biss xogħol infrastrutturali fil-faċilitajiet sportivi, imma hemm ukoll xogħol organizzattiv, laqgħat ta' konsultazzjoni u koordinament. “F'din l-organizzazzjoni qed ninvolvu lil kulħadd għaliex irridu li din tkun esperjenza li mhux biss igawdu minnha l-isportivi tagħna, imma jgawdi minnha wkoll il-poplu b'mod ġenerali," qal il-Ministru Grima.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv u Kap Eżekuttiv ta' SportMalta Mark Cutajar qal li għal dawn il-logħob hemm bżonn ta' numru kbir ta' voluntiera u għal dan saret ħidma kemm minn entitajiet tal-gvern kif ukoll dawk privati biex jgħinu ħalli jkunu attirati persuni interessati. Dawk li jintgħażlu se jingħataw ukoll taħriġ. “Din se tkun esperjenza u opportunità tajba biex dawn il-voluntiera jkunu qed jipparteċipaw b'mod aktar mill-qrib f'dawn il-logħob," qal is-Sur Cutajar.
Qabel għamel l-intervent tiegħu, is-Sur Cutajar feraħ lil Francesca Curmi u Elaine Genovese, iż-żewġ plejers tat-tennis li fil-Logħob tal-Mediterran kisbu medalja tal-fidda għal pajjiżna.
Il-Viċi President tal-Kumitat Olimpiku Malti u Chef de Mission Paul Sultana qal li l-voluntiera li se jintgħażlu se jkollhom rwol importanti ħafna f'dawn il-logħob u se jkunu qed jikkontribwixxu għall-esperjenza pożittiva f'pajjiżna tal-1000 atleta u 500 uffiċjal li se jkunu qed jieħdu sehem f'għaxar dixxiplini sportivi f'madwar 11-il faċilità sportiva. “Nirringrazzja lil Joseph Cassar u t-tim tiegħu li għaddejjin b'xogħol imprezzabbli biex jattiraw voluntiera flimkien ma' entitajiet bħall-MCAST, l-IPES u l-ITS, li qed jagħtu appoġġ lil din il-kampanja li nedejna llum," qal is-Sur Sultana.
Kemm Joseph Cassar kif ukoll Ian Restall, li kienu preżenti u qed jikkoordinaw il-programm tal-voluntiera għal dan il-logħob, għandhom esperjenza vasta f'dak li huwa xogħol volontarju. Huma tkellmu dwar kif dan it-tip ta' xogħol jgħin lill-individwu personalment filwaqt li jkun qed jieħu esperjenza tajba li jibqa' jiftakarha għal ħajtu.
Dawk interessati li jirreġistraw bħala voluntiera jistgħu jaċċessaw is-sit: https://nocmalta.org/gsse-2023/.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946