STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Numru rekord ta’ superyachts reġistrati taħt il-bandiera Maltija; tibda’ titfassal l-ewwel Politika Nazzjonali għall-Yachting f’Malta
Il-bandiera Maltija rreġistrat żieda rekord ta' aktar minn 51% fir-reġistrazzjoni ta' superyachts li huma akbar minn 24 metru. Permezz t'hekk, Malta saret il-ġurisdizzjoni tal-għażla u waħda mill-mexxejja f'dan is-settur b'aktar minn 1,030 superyacht reġistrati.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt l-ewwel Malta Superyacht Symposium organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Malta Maritime Law Association. “Dan huwa tkabbir rekord li qatt ma ġie rreġistrat qabel u li jimlina b'aktar kuraġġ biex inkomplu naħdmu biex nagħmlu minn din l-industrija niċċa ekonomika b'saħħitha għal pajjiżna, li tkompli tgħina niddiversifikaw u nisfruttaw il-baħar u l-pożizzjoni ġeografika tagħna f'nofs il-Mediterran," tenna il-Ministru Farrugia.
Il-Ministru spjega kif dan is-simpożju qed isir fl-istess żmien li fih il-Ministeru flimkien mal-esperti u l-stakeholders fis-settur bdew il-proċess biex Malta jkollha l-ewwel politika nazzjonali għall-industrija tal-yachting.
“Bħalma Malta saret mexxejja fuq livell globali fir-reġistrazzjoni ta' vapuri, u bħala transhipment hub, hekk ukoll il-viżjoni tagħna hi li niżviluppaw lil pajjiżna bħala hub ewlieni tal-jottijiet fil-Mediterran. Il-bidu ta' din l-industrija kien wieħed b'saħħtu iżda issa wasal iż-żmien biex din tkompli tevolvi u noħduha fuq livell iehor. Irridu nkunu alternattiva aktar b'saħħitha u fuq kollox, aġli u flessibbli, bla ebda burokrazija żejda, karatteristiċi li dejjem tawna vantaġġ fuq il-kompetituri tagħna. Ma nistgħux insibu konfort f'prattiċi, liġijiet u regolamenti tal-bieraħ. L-ideat li joħorġu minn dan is-simpożju mill-aqwa mħuħ lokali u internazzjonali f'din l-industrija huma importanti għat-tfassil tal-Politika Nazzjonali għall-Yachting," tenna l-Ministru.
Il-Ministru Farrugia qal li r-reġistru tal-bastimenti ta' Malta kiber mhux biss fin-numru iżda wkoll fir-reputazzjoni, u llum, il-pajjiż qed dejjem iżid aktar jottijiet ta' profil għoli mal-flotta preżenti. Dan huwa wkoll riżultat tal-kwalità tajba fis-servizz li qed jinkiseb permezz ta' diversi inizjattivi u strateġiji favur din l-industrija, liem servizz qed jiġi rikonoxxut mis-sidien u l-istakeholders madwar id-dinja.
“Bħala Gvern aħna impenjati li nkomplu nappoġġjaw l-industrija tal-jottijiet billi neliminaw il-burokrazija żejda, li nippromwovu kontinwament il-pożizzjoni tagħna u s-servizzi li se nkunu qed noffru. Se noħolqu ekosistema li tħabbatha mal-aqwa, fuq kollox se naraw li jkollna workforce mħarrġa. U jikkumplimentaw dan kollu, hemm il-ħidma li għaddejja preżentament u li twassal għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u reklamazzjoni tal-art li toffri żoni ta' eċċellenza għal din in-niċċa ekonomika għal pajjiżna. Nappellaw għall-viżjoni u l-kuraġġ li nbiddlu u ninvestu – liem approċċ dejjem ħalla l-aħjar riżultati lil dan il-pajjiż," temm jgħid il-Ministru Aaron Farrugia.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946