STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Malta tinnegozja ftehim aħjar taħt il-pakkett tal-proposti FIT-for-55
Bil-pakkett leġiżlattiv li qed jiġi propost mill-Kummissjoni Ewropea, setturi differenti jridu jikkontribwixxu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomiji
Malta rnexxielha tinnegozja ftehim aktar b'saħħtu waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Ambjent li tlaqqa' lbieraħ f'Lussemburgu biex jiddiskuti elementi leġiżlattivi tal-pakkett 'Fit-for-55'.
Fil-laqgħa tal-ministri Ewropej li damet madwar 17-il siegħa, Malta ddefendiet bis-sħiħ il-pożizzjoni tagħha biex tikseb ftehim aħjar minn dak li kien qed jiġi oriġinarjament propost.
Il-'Fit-for-55' huwa pakkett leġiżlattiv li jistabbilixxi l-miri tal-Unjoni Ewropea biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra sa mill-inqas 55% sal-2030. Dan ifisser li diversi setturi jridu jikkontribwixxu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet.
Il-pakkett leġiżlattiv huwa wiesa' u l-proposti diskussa huma relatati mat-tnaqqis tal-emissjonijiet mis-setturi tal-marittimu, tal-avjazzjoni, tat-transport, infrastruttura, carbon sinks, effort sharing bejn l-istati membri, l-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u għall-vannijiet, u l-Fond għall-Klima Soċjali.
“Irnexxielna ninnegozjaw pakkett finanzjarju b'saħħtu li se jgħin lil pajjiżna jimxi aktar lejn ekonomija li ma tħammiġx. Irridu nilħqu l-miri ambizzjużi tagħna. Fl-istess ħin irnexxielna nassiguraw li nissalvagwardjaw setturi importanti għall-ekonomija ta' pajjiżna bħas-settur marittimu, tal-avjazzjoni u tat-trasport," qalet il-Ministru għall-Ambjent, l-Eneriġija u l-Intrapriża Miriam Dalli.
Malta ġabet aktar fondi minn żieda fl-allokazzjoni taħt il-leġiżlazzjoni marittima. Barra minn hekk, fuq l-insistenza ta' Malta, dawn il-fondi mhux biss se jgħinu d-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu iżda jistgħu jintużaw għat-trasport fuq l-art, inkluż it-trasport pubbliku.
Bħala gżira membru stat fil-periferija tal-UE, Malta nnegozjat b'suċċess biex is-settur tal-avjazzjoni jkun protett minn xokkijiet eventwali. Għalhekk ġew inklużi proviżjonijiet legali bil-għan li jtaffu l-impatt tal-ispejjeż ta' tali titjiriet. Dan ifisser li Malta assigurat li d-differenza fil-prezz bejn il-kerosene u fjuwil sostenibbli għal-linji tal-ajru tkun koperta.
Dan ifisser li, mingħajr ma xekkilna l-ambizzjoni, Malta rnexxielha tikseb riżultati aħjar minn dak li kien qed jiġi propost fejn l-allokazzjoni kienet minima.
Filwaqt li l-Ministru Miriam Dalli esprimiet sodisfazzjon għar-riżultati miksuba, saħqet li Malta se tkompli timbotta l-pożizzjoni tagħha waqt in-negozjati li jmiss biex jintlaħaq qbil bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew.
“Se nkomplu naħdmu ħafna biex nassiguraw li r-realtajiet tal-istati membri differenti kollha jiġu kkunsidrati, partikolarment fejn jidħol is-settur tat-trasport fuq l-art, fejn bħalissa Malta għandha alternattivi limitati ħafna. Se nkomplu naħdmu wkoll biex jiżdied l-użu tal-vetturi li ma jniġġsux," qalet Miriam Dalli.
Malta approvat ir-reviżjoni proposta tal-leġiżlazzjoni dwar l-istandards tal-emissjonijiet CO2 mill-karozzi u mill-vannijiet, minkejja li l-cut-off date għall-importazzjoni ta' karozzi b'internal combustion engine(ICE) qed tiġi proposta għall-2035. Il-Ministru Dalli spjegat li data aktar ambizzjuża kienet tgħin aktar l-infiltrazzjoni ta' vetturi li ma jħammġux fis-suq Malti.
“Dan kien jiżgura l-provvista u l-affordabbiltà sabiex ngħinu liċ-ċittadini jaqilbu għal vetturi elettriċi orħos aktar kmieni", spjegat il-Ministru Dalli.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946