STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI: L-Awtorità tad-Djar tiġbor 392 ċavetta fuq medda ta’ ħames snin
“L-ebda abbuż mhu se jkun ittollerat," saħaq il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes, hekk kif ħabbar li matul is-sena 2021 l-Awtorità tad-Djar ġabret 80 ċavetta minn persuni li kienu qegħdin jabbużaw minn akkomodazzjoni soċjali tal-gvern.
Il-Ministru Roderick Galdes saħaq li, “Mhux aċċettabbli li jkollok persuna tokkupa akkomodazzjoni soċjali tal-gvern mingħajr ma jkollha dritt. Dawn iċ-ċwievet miġbura huma frott tal-infurzar u l-investigazzjonijiet li twettqu matul is-sena li għaddiet u li fissru f'akkomodazzjoni xierqa għal 80 persuna jew familja li verament għandhom bżonn l-għajnuna tal-Istat". Huwa żied jgħid li mill-2017 sal-aħħar tas-sena 2021, l-Awtorità b'kollox ġabret 392 ċavetta wara investigazzjoni fuq allegat każi ta' abbuż.

Dan jixhed li l-lista ta' stennija ma tonqosx biss bil-bini ta' appartamenti ġodda, imma anke billi jiġi żgurat illi min qiegħed f'akkomodazzjoni soċjali qiegħed hemm għax veru ħaqqu l-għajnuna neċessarja.
L-Awtorità tad-Djar tiltaqa' ma' diversi forom ta' abbuż, fosthom l-isfruttar ta' inkwilini vulnerabbli li joħorġu mir-residenza tagħhom sabiex jieħdu trattament mediku fit-tul; il-kiri u użu ta' akkomodazzjoni soċjali għal skopijiet turistiċi u kummerċjali; it-tpartit ta' akkomodazzjoni soċjali mingħajr l-approvazzjoni tal-Awtorità; kif ukoll każi fejn persuni jokkupaw akkomodazzjoni soċjali mingħajr rikonoxximent.
L-Awtorità tiltaqa' wkoll ma' numru żgħir iżda sinifikanti ta' każi fejn persuni li jsostnu li huma rappreżentanti, uffiċjali jew impjegati tal-Awtorità, jabbużaw mill-fiduċja ta' persuni vulnerabbli għal skopi ta' gwadann u frodi. Ġie spjegat li ħaddiema tal-Awtorità tad-Djar qatt mhu se jitolbu flus bil-quddiem lill-applikanti iżda jiġbru biss miżati relatati mal-amministrazzjoni u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, liema miżati jinħarġu skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-iskemi u dejjem tinħareġ irċevuta uffiċjali tal-Awtorità. Apparti minn hekk, il-korrispondenza bejn rappreżentanti tal-Awtorità u l-pubbliku ssir biss permezz tas-sistema tal-emails tal-gvern u l-linji tat-telefonija fissi tal-Awtorità, u għaldaqstant kulħadd għandu jinnota dawn id-dettalji meta xi persuni jsostnu li huma qed jaġixxu f'isem l-Awtorità tad-Djar.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal li f'dawn l-aħħar snin il-gvern investa b'mod sostanzjali sabiex il-provvista ta' residenza għall-akkomodazzjoni soċjali tiżdied sostanzjalment. Huwa qal li, “Din il-ħidma tisfa fix-xejn jekk ma jiġix żgurat li dawn ir-residenzi, u oħrajn mibnija fil-passat, jiġu użati għall-iskop li għalihom inbnew, u għalhekk huwa indispensabbli li jitwaqqaf kull forma ta' abbuż f'dawn ir-residenzi.''
Il-Ministru Roderick Galdes ikkonkluda billi talab lil dawk kollha li jafu b'xi allegat abbuż sabiex jersqu 'l quddiem bl-informazzjoni kollha ħalli jinbdew l-investigazzjonijiet neċessarji, kif wara kollox huwa l-obbligu tal-Istat.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946