STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Jitlesta xogħol infrastrutturali fil-faċilitajiet sportivi fl-iskola taż-Żokrija
Tlesta l-proġett tat-tibdil tal-wiċċ tal-faċilità sportiva fl-Iskola Maria Reġina fil-Mosta, magħrufa bħala taż-Żokrija, parti minn proġett infrastrutturali ta' ftit inqas minn €1 miljun mifrux fuq 20 skola. Il-proġett taż-Żokrija sar b'investiment ta' €350,000.
F'dawn l-20 skola, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada (FTS) qed tiksi l-faċilitajiet sportivi b'turf artifiċjali. Fl-aħħar snin, il-fondazzjoni investiet f'turf artifiċjali f'diversi skejjel oħrajn. F'din l-iskola, il-proġett kien jinvolvi wkoll il-bini tas-saqaf tal-parkeġġ li hemm taħt il-grawnd tal-iskola, fejn kien jeħtieġ li jinbena mill-ġdid.
Dawn il-proġetti qed isiru fl-isfond tal-politika nazzjonali biex tkun indirizzata l-obeżità fost it-tfal, kif ukoll biex titrawwem aktar il-kultura sportiva fit-tfal li twassal għal ħajja iktar kwalitattiva fl-iskejjel.
“Dan il-proġett huwa parti mill-ħidma li qed nagħmlu biex intejbu mhux biss l-infrastruttura fuq ġewwa fl-iskejjel tagħna, imma wkoll l-ispazji miftuħa li jintużaw għall-attivitajiet sportivi u għall-ħin ta' rikreazzjoni fiżika. Irridu naraw li dawn l-ispazji ta' edukazzjoni sportiva jkunu adegwati wkoll, għalhekk permezz ta' dan il-proġett qed nagħtuhom dehra aħjar u nimmodernizzawhom," qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta żar il-proġett taż-Żokrija.
Preżenti waqt din iż-żjara kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-FTS Dr Neville Young, il-Prinċipal tal-Kulleġġ Maria Reġina Patrick Decelis u l-Kap tal-Iskola Michael Vassallo.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946