STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said attendew għall-Kunsill tal-Ministri Ewropej għall-Agrikoltura u s-Sajd li nżamm f’Lussemburgu. Fost id-diskussjonijiet ġiet enfasizzata s-sitwazzjoni tas-swieq internazzjonali kif ukoll iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel speċjalment fl-isfond tal-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna.
F’dan il-kuntest, il-Ministru Anton Refalo esprima t-tħassib tiegħu dwar kif il-bdiewa Maltin u Għawdxin qed jaffaċċjaw żieda fil-prezzijiet tal-fertilizzanti, it-tagħmir agrikolu, u l-għalf. Malta esprimiet ukoll it-tħassib tagħha dwar diversi fatturi inkwetanti dwar il-provvista tal-ikel dinjija bħal, problemi ta’ nixfa, miżuri ta’ restrizzjonijiet għall-esportazzjoni u dewmien fil-ħsad f’diversi pajjiżi. Għalhekk Malta tenniet li din is-sitwazzjoni qed tagħmel il-ħruġ ta’ provvisti Ukreni dejjem aktar kruċjali.
Fost id-diskussjonijiet ġie msemmi wkoll ir-rapport ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tal-istandards tas-saħħa, l-ambjent u l-benesseri tal-annimali Ewropej għal prodotti tal-ikel impurtati minn pajjiżi terzi. Fuq dan il-punt, Malta qablet mal-promozzjoni u t-titjib tal-istandards Ewropej tul il-katina kollha tal-ikel fuq prodotti impurtati minn pajjiżi terzi għaliex temmen li dan mhux biss iwassal sabiex titjieb il-kwalità u s-sigurtà tal-prodotti impurtati, iżda jitjiebu ukoll il-kundizzjonijiet tal-annimali ta’ produzzjoni li jwassal għal riżultat pożittiv fuq is-saħħa tal-konsumaturi Ewropej.
Il-Ministru Anton Refalo sostna li l-ftehimiet kummerċjali kemm multilaterali u anke bilaterali jistgħu jibqgħu jkunu l-aktar strumenti effettivi li diġà qed jiksbu riżultati pożittivi sabiex jissaħħu l-istandards ambjentali f’pajjiżi terzi. Madankollu, f’dan il-kuntest Malta esprimiet li dan il-proċess irid isir b’bilanċ għaliex irridu wkoll nissalvagwardjaw l-kompetittività tal-produtturi Ewropej minn pożizzjoni kompetittiva żvantaġġjuża, filwaqt li nżommu l-produzzjoni u l-provvista meħtieġa sabiex niggarantixxu s-sigurtà tal-ikel.
Fil-qasam tas-Sajd, il-Kunsill tal-Ministri ddiskuta l-komunikazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-qagħda tas-settur tas-sajd u s-sostenibbilita’ tal-istokk tal-ħut fl-ibħra Ewropej. Id-diskussjoni ta’ dan ir-rapport fil-Kunsill bdiet il-proċess sabiex aktar tard matul din is-sena jiġu stabbiliti l-kwoti tas-sajd. Matul l-intervent tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said enfasizzat li s-sajjieda fuq skala żgħira u artiġjanali għandhom jinżammu fiċ-ċentru ta’ tali komunikazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said enfassizzat li jeħtieġ li jsir aktar xogħol sabiex jintlaħqu kundizzjonijiet ekwi fil-Mediterran minħabba li l-istokk tal-ħut tal-Mediterran huma kollha kondiviżi ma’ pajjiżi terzi.
Finalment, Malta saħqet l-importanza ta’ diskussjonijiet u possibbilment bidliet konsegwenti fil-kwoti u l-kapaċitajiet tas-sajd għall-ispeċi tat-tonn tal-Atlantiku speċjalment fid-dawl tal-fatt li din is-sena mistenni jiġi ppubblikat parir xjentifiku ġdid sabiex b’hekk is-sajjieda jkunu jistgħu jgawdu l-frott tas-sagrifiċċji tagħhom matul l-aħħar snin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946