STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA: Inawgurazzjoni tal-videofluoroscopy service f’San Vinċenz de Paul
Il-videofluoroscopy service li ġie inawgurat mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, huwa parti mill-investiment ta’ miljun u nofs ewro li sar fid-Digital Imaging Unit ta’ San Vinċenz fil-Geriatric Day Hospital.
Il-Ministru Abela saħaq li permezz ta’ dan l-investiment se titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani. Dan huwa servizz ġdid bl-aqwa teknoloġija, li jikkumplimenta għadd ta’ servizzi oħrajn li jingħataw f’San Vinċenz. Minnu se jibbenefikaw mhux biss ir-residenti f’San Vinċenz de Paul, imma wkoll anzjani li jgħixu fi djar tal-anzjani u dawk li għadhom jgħixu fil-komunità.
Ġie spjegat li l-videofluoroscopy huwa x-ray kontinwu ta’ kif persuna tibla’. Waqt dan l-eżami persuna tintalab tiekol u tixrob varjetà ta’ ikel u xorb, skont l-abbiltajiet tal-persuna, hekk kif identifikati mill-ispeech language pathologist, u jinħareġ pjan ta’ kif jitnaqqsu r-riskji fuq is-saħħa assoċjati mad-diffikultajiet biex wieħed jibla’. Is-servizz jintuża minn persuni li jgħixu b’kundizzjonijiet newroloġiċi bħal puplesija, parkinson u dimensja li jista’ jkollhom problemi biex jibilgħu l-ikel u l-problemi jkunu ta’ livelli differenti ta’ severità.
Il-magni tal-x-ray inxtraw apposta biex ikunu mgħammra bl-aħħar teknoloġija, b’emissjonijiet aktar baxxi ta’ radjazzjoni u kompletament diġitali. Dan is-servizz sal-lum kien jingħata biss fl-Isptar Mater Dei. Grazzi għal dan il-pass imniedi llum, mijiet ta’ anzjani mhux se jkollhom għalfejn jirrikorru l-Isptar Mater Dei biex jirċievu s-servizz u dan se jkun qed iwassal biex titnaqqas il-lista ta’ stennija.
“Qed inkomplu nuru l-impenn kbir li għandna fil-qasam tal-anzjani. Il-mira tagħna hi li ntejbu s-servizzi kontinwament, favur iċ-ċittadin anzjan li jiġi bżonnhom,” ikkonkluda l-Ministru Jo Etienne Abela.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946