STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Approvat il-programm Copernicus fil-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea responsabbli mir-Riċerka u l-Ispazju
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti pparteċipa fil-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea responsabbli mir-Riċerka u l-Ispazju fil-Lussemburgu.
Waqt il-laqgħa ġie approvat il-Programm Copernicus li jwassal viżjoni fit-tul dwar kif se jevolvi l-bidu ta’ innovazzjoni ġdida li tosserva d-dinja b’kapaċitajiet u servizzi ġodda li jindirizzaw aktar il-ħtiġijiet tas-soċjetà filwaqt li jibqgħu mmirati għall-użu tan-nies.
Malta temmen li dan il-programm se jwassal lill-Ewropa biex tipprovdi ‘Gold Standard’ fl-informazzjoni tal-osservazzjoni tad-dinja.
Tant u hekk, Malta approvat bis-sħiħ dan il-programm li ġie ppreżentat fil-Kunsill.
Fil-Kunsill tal-Ministri kien hemm qbil ukoll dwar l-abbozz tal-konklużjonijiet fuq il-qasam tal-immaniġġjar tat-traffiku spazjali u Malta hija sodisfatta li permezz ta’ azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni, se jiġu żviluppati binjiet ta’ operat tal-Ispace Surveillance and Tracking fl-Istati Membri kollha.
Dawn se jiżviluppaw għarfien xjentifiku ġdid fuq dan il-qasam li jippermetti lill-Unjoni Ewropea tiżviluppa soluzzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza relatata mal-immaniġġjar tat-traffiku spazjali u aċċess ġust u sigur għal dan.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq l-importanza li l-Unjoni Ewropea ssaħħaħ il-programm spazjali tagħha fejn jidħlu r-reżiljenza u l-kompettitività li twassal għall-evoluzzjoni fi ħdan l-istess programm spazjali.
Dan jista’ jseħħ b’appoġġ lejn il-programm ‘New Space’ li ser joħloq diversi opportunitajiet għar-riċerkaturi ġodda fil-qasam tal-ispazju.
Waqt id-dikussjonijiet fil-Kunsill tal-Ministri, Malta enfasizzat li biex l-industrija spazjali Ewropea tissaħħaħ u tkompli tikber permezz tal-programm spazjali filwaqt li jeħtieġ li jiġu introdotti aktar azzjonijiet ta’ appoġġ finanzjarju li jindirizzaw il-ħolqien u t-tisħiħ ta’ ekosistemi spazjali ġodda u emerġenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946