STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA In-negozji ta' għada: kors ta' taħriġ għan-negozji tal-familja
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ, ir-Regolatur għan-Negozji tal-Familja u l-Malta Enterprise, nediet kors ta' taħriġ immirat proprju għan-negozji tal-familja.
Dawn in-negozji, li jammontaw għal madwar 70% tal-intrapriżi żgħar u medji, jaffaċċjaw sfidi partikolari u għandhom ukoll ħtiġijiet partikolari. Dan il-kors ta' taħriġ se jkun qed jiġi offrut b' xejn lil kull min hu interessat u s-sessjonijiet se jkunu qed jiġu mtella' online fuq il-mezzi soċjali bħal-Facebook, Youtube u Linkedin. Is-sessjonijiet jiffukaw fuq kif negozji tal-familja għandhom jadattaw in-negozju tagħhom jekk jixtiequ jassiguraw l-eżistenza tagħhom.
Il-Ministru Miriam Dalli ħeġġet lin-negozji tal-familja sabiex ikunu minn ta' quddiem nett li jadattaw il-proċessi li hemm bżonn sabiex jibqgħu jkunu reżiljenti.
“Mhux dejjem ikun faċli għal negozji li jadattaw ċertu proċessi bħal reklutaġġ ta' nies li mhumiex membri tal-istess familja, li jitwaqqaf bord, li jħaddnu teknoloġiji ġodda jew li jdaħħlu proċessi ta' awditjar u mmaniġjar li huma magħrufa fuq livell globali. Dawn huma l-isfidi li rridu nindirizzaw jekk irridu li l-ekonomija Maltija tibqa' kompetittiva u reżiljenti, kif ukoll inħarsu l-ħtiġijiet tat-tmexxija tal-intrapriżi tagħna. Bħala Gvern, noffru assistenza fuq l-operat tal-intrapriżi, u taħriġ kontinwu għall-impjegati, però t-taħriġ lit-tmexxija tal-operat jixraqlu li jsib l-appoġġ tagħna fil-ħidma u t-tiġdid tiegħu," spjegat il-Ministru Miriam Dalli.
Il-kontenut ta' dawn is-sessjonijiet ġie mfassal miċ-Chairperson tal-Kumitat għan-Negozji tal-Familja fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ, Silvan Mifsud. Huwa rrimarka kif, “L-isfidi li ġabet magħha l-pandemija u sfidi ġodda bħala riżultat tat-tensjonijiet ġeopolitiċi jeħtieġu li n-negozji tal-familja jkunu strutturati aħjar, ikunu aktar strateġiċi fid-deċiżjonijiet tagħhom u aktar flessibli u effiċjenti sabiex jadattaw għall-eżiġenzi tas-suq li joperaw fih. Għal dan l-għan ħassejna l-bżonn li jiġi offrut taħriġ li jkun speċifikament imħejji f'dan ir-rigward."
Ir-Regolatur tal-Uffiċju tan-Negozji tal-Familja Dr Joe Gerada spjega kif dawn is-sessjonijiet huma għodda oħra fost skemi addizzjonali li jmexxi l-Uffiċju tar-Regolatur, anke b' kollaborazzjoni mal-Malta Enterprise. “Fl-esperjenza tagħna, li niltaqgħu ma' dawn in-negozji minn ġurnata għall-oħra, nagħrfu l-bżonn ta' dawn is-sessjonijiet u nappellaw lil kull min hu interessat sabiex isegwi dan il-kors qasir."
“Bi pjaċir inkomplu nassistu lin-negozji tal-familja b' dawn is-sessjonijiet ta' taħriġ. Apparti d-diversi skemi li għandna apposta għal dawn in-negozji, il-Malta Enterprise għandha wkoll diversi skemi oħra li jassistu fuq l-operat; titjib tal-proċessi biex ikunu iktar sostenibbli u diġitali; investimenti f' makkinarji u anke fejn jidħol taħriġ lill-impjegati. Qegħdin noffru pakkett ħolistiku ta' assistenza sabiex l-intrapriżi lokali jibqgħu jiffjorixxu u jkunu reżiljenti," sostna l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enteprise Kurt Farrugia.
Is-sessjonijiet jistgħu jiġu segwiti fuq il-mezzi soċjali tal-Kamra tal-Kummerċ mill-20 ta' Ġunju 'l quddiem.
Link għar-reġistrazzjoni:
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946