Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT “Eżerċizzju li għen mhux ftit biex inkomplu nsiru nafu aktar fuq fejn sejrin bħala poplu” – il-President ta’ Malta

pr220762
Date Icon 09/06/2022

“Permezz tal-konferenza nazzjonali tal-lum, tajna ħarsa introspettiva lejna nfusna. Dan hu dejjem l-ewwel pass li wieħed għandu jieħu biex itejjeb lilu nnifsu", qal il-President ta' Malta George Vella fid-diskors tal-għeluq tiegħu waqt it-tieni edizzjoni tal-konferenza nazzjonali 'L-Istat tan-Nazzjon'.

Fost l-osservazzjonijiet tiegħu, il-President innota l-ewwel u qabel kollox li l-familja hija fattur fundamentali fil-ħajja tagħna ta' kuljum, anke fid-deċiżjonijiet li nieħdu.

Stqarr li l-istħarriġ wera li l-Malti llum kuntent li ħeles mir-restrizzjonijiet tal-pandemija u jinsab iktar kuntent mis-sena l-oħra. Dan filwaqt li issa li għaddiet l-elezzjoni, il-politika tidher li hija inqas importanti, filwaqt li qed jinħass il-piż tal-inflazzjoni.

Innota wkoll kemm għadha b'saħħitha l-fidi f'Alla, iżda mhux neċessarjament ir-reliġjon. Jidher ukoll li l-Malti huwa iktar komdu bil-multikulturaliżmu.

Waqt is-sessjoni kemxejn imqanqla dwar l-ambjent, il-President qal li smajna kif hemm bżonn li jinstabu bilanċ u kompromess, u kif l-ambjent jaf ikun fattur li jgħaqqad u mhux biss jifred.  Kien hemm appell ċar li mmorru lil hinn mill-buzzwords, u li jiġu indirizzati b'mod konkret, żbalji u deċiżjonijet ħziena u li jiġu riveduti liġijiet li għandhom x'jaqsmu ma' dan is-settur.

Waqt it-taħdidiet marbuta mal-media, il-President stqarr li apprezza aktar kemm dan ir-raba' pilastru tad-demokrazija huwa kruċjali għas-saltna tad-dritt, fuq l-importanza tal-fattwalità tal-aħbar, u kemm donnha nibtet prattika informali li kulħadd sar ġurnalist illum.

Il-President qal li punt li laqtu kien kif il-ġurnalist għandu jkun hu stess li jagħmel l-aġenda, u mhux jagħti lill-pubbliku dak li jixtieq jisma'. Hawnhekk fisser kif il-ġurnaliżmu indipendenti veru li qed kulma jmur jiċkien u qal li ħareġ ċar kemm għad fadal x'isir f'dan il-qasam.

Dwar il-qasam edukattiv, b'mod partikolari, kien hemm enfasi fuq il-ħsieb kritiku taż-żgħażagħ tagħna. Punt ieħor interessanti li tqajjem kien dwar kemm il-Maltin iħossuhom Ewropej. Hawnhekk il-President fakkar li Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea b'formazzjoni Mediterranja b'saħħitha.

Fil-kuntest tal-istituzzjonijiet, il-President semma li dawn huma l-qofol tad-distinzjoni bejn stat u gvern. Huwa rrefera wkoll għall-proposta li ċ-ċermen tal-Awtorità tax-Xandir jiġi maħtur b'maġġoranza ta' żewġ terzi fil-parlament u mhux biss b'konsultazzjoni. Il-President qal li jekk dan iseħħ, ikun hemm bżonn ta' anti-deadlock mechanism inkella il-proċess jaf jeħel.

Dwar ir-riforma kostituzzjonali, il-President spjega li l-pass li jmiss huwa li jkun hemm qbil dwar persuna li tgawdi l-fiduċja tal-gvern u tal-Oppożizzjoni li tkun tista' tmexxi l-Konvenzjoni Kostituzzjonali.

Il-President stqarr ukoll li hu ma jaqbilx li l-Maltin imorru għand il-politiċi biex jikkorrompuh, jew biex jieħdu dak li mhuwiex tagħhom. Huwa qal li tajjeb li l-poplu jsemma' leħnu wkoll f'diskussjoni bħal din.

Irrimarka wkoll il-bżonn ta' ċittadinanza attiva 'l bogħod mill-partiti, u l-punt li ħareġ mid-diskussjoni jekk bdejniex insiru inqas interessati fil-politika.

Il-President ta' Malta kkonkluda billi rringrazzja lill-kelliema u lill-esperti kollha li taw sehemhom u wasslu ħsibijiethom matul din il-konferenza. Qal li fuq kollox, dan huwa l-għan aħħari tagħna lkoll, “li wieħed li jagħti kontribut tanġibbli għat-titjib ta' ħajjitna lkoll".

Indirizzaw ukoll il-konferenza 'L-istat tan-nazzjon', il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT “Eżerċizzju li għen mhux ftit biex inkomplu nsiru nafu aktar fuq fejn sejrin bħala poplu” – il-President ta’ Malta
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT “Eżerċizzju li għen mhux ftit biex inkomplu nsiru nafu aktar fuq fejn sejrin bħala poplu” – il-President ta’ Malta
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT “Eżerċizzju li għen mhux ftit biex inkomplu nsiru nafu aktar fuq fejn sejrin bħala poplu” – il-President ta’ Malta
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT “Eżerċizzju li għen mhux ftit biex inkomplu nsiru nafu aktar fuq fejn sejrin bħala poplu” – il-President ta’ Malta
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow