STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Diskors mill-Ispeaker Anġlu Farrugia fl okkażjoni tas Sette Giugno 2022
Għada s‑7 ta' Ġunju – minbarra li Malta tfakkar l‑irvellijiiet li seħħew fis‑7 ta' Ġunju 1919 ftit 'il bogħod minn fejn ninsabu llum – ser inkunu qegħdin nagħlqu xahar mill‑bidu tal‑14‑il Leġiżlatura, allura xahar minn meta l‑Parlament reġa' beda xogħlu wara l‑elezzjoni ġenerali tas‑26 ta' Marzu 2022. Ta' min jinnota li b'79 Membru, dan huwa bla dubju l‑akbar Parlament fil‑mitt sena storja tiegħu, anniversarju li proprju ċċelebrajna s‑sena li għaddiet. Minn dawn id‑79 Membru, 34 minnhom – kważi nofshom – huma Membri ġodda, filwaqt li 22 huma nisa. Dawn iż‑żewġ aspetti jawguraw tajjeb sabiex tassew ikollna demokrazija parlamentari li tkun dejjem relevanti għaż‑żminijiet tal‑lum u tassew rappreżentattiva tas‑soċjetà tagħna.
Dan nara li għandu wkoll rabta mal‑avvenimenti tas‑Sette Giugno tal‑1919 li qegħdin infakkru llum.
Bħalma nafu s‑Sette Giugno huwa simbolu ta' perjodu fl‑istorja ta' pajjiżna kkaratterizzat minn protesti kbar fil‑Belt minħabba problemi ekonomiċi li kien jinsab fihom il‑pajjiż, ewlenin fosthom il‑prezzijiet għoljin tal‑ħobż, bil‑konsegwenza li ħafna Maltin kienu qed ibatu l‑ġuħ. Din is‑sitwazzjoni rriżultat f'taqlib politiku kbir. Hawn ta' min jgħid illi l‑Kostituzzjoni ta' dak iż‑żmien ftit li xejn kienet tagħti saħħa lill‑Maltin sabiex jipparteċipaw fit‑tmexxija ta' pajjiżhom. Dan l‑isfond ta' nuqqas ta' awtorità politika li tista' tmexxi fl‑aħjar interess tal‑pajjiż, wassal biex tliet familji – ċjoè Cassar Torregiani, Francia u Farrugia – li kienu l‑importaturi ewlenin tal‑qamħ f'pajjiżna, spiċċaw fil‑mira tal‑poplu Malti li fis‑7 ta' Ġunju 1919 tela' l‑Belt biex jipprotesta.
Kaġun ta' dik il‑protesta, f'dik il‑ġurnata u l‑għada, spiċċaw tilfu ħajjithom erba' persuni – li huma mfakkra fuq dan il‑monument li ninsabu quddiemu – Manwel Attard, Karmnu Abela, Ġużè Bajada u Wenzu Dyer. Dan wara li l‑64 suldat Ingliż li kienu qegħdin hemm biex iferrxu lin‑nies waqt protesta mill‑Maltin, fetħu n‑nar u użaw il‑forza fuq il‑folla.
Minn diversi dokumenti ta' dak il‑perjodu joħroġ li fil‑protesti ta' Ġunju 1919, minbarra dawn l‑erba' rġiel, kien kien hemm sa erba' persuni oħra li nqatlu jew ġew feruti gravi b'riżultat tat‑tiri li ġew sparati jew inkella b'daqqiet tal‑bajunetta. Vittma minnhom, pereżempju, kien missier li mar biex jara fejn hu ibnu, imma peress li rreżista l‑arrest, spiċċa ġie maqtul b'daqqa ta' bajunetta. Mhux inqas minn 19‑il persuna oħra sofrew ġrieħi, saħansitra żagħżugħ ta' 15‑il sena. Dan kollu jixhed kemm il‑Maltin ma kellhom ebda awtorità fejn tidħol iż‑żamma tal‑ordni f'pajjiżhom.
Xi jfisser dan kollu? Il‑Maltin riedu jimxu 'l quddiem. Il‑Maltin riedu jaraw li jkollhom ħajja aħjar. Riedu li jkollhom awtorità fuq it‑tmexxija ta' ħwejjiġhom. Irridu niftakru li f'dak iż‑żmien il‑Kostituzzjoni ma kienet tagħti l‑ebda jedd lill‑Maltin fit‑tmexxija tal‑pajjiż, lanqas f'dawk il‑materji lokali li kienu jaffettwawhom b'mod dirett. Kif nafu, dan seħħ sentejn wara, fl‑1921 bl‑għoti tal‑Kostituzzjoni Amery‑Milner, magħrufa wkoll bħala l‑Kostituzzjoni tas‑self-government. Minkejja dan il‑pass 'il quddiem, ta' min jinnota li d‑dritt tal‑vot biex wieħed jeleġġi r‑rappreżentanti tiegħu kien limitat biss għal dawk iċ‑ċittadini maskili li kellhom il‑proprjetà. L‑ebda mara, anke jekk sid ta' proprjetà permezz ta' wirt, pereżempju, ma kellha dritt għall‑vot. Kellhom jgħaddu kważi 30 sena oħra, biex fl‑1947 daħal id‑dritt tal‑vot għall‑mara.
Kif inhu xieraq, ta' kull sena nfakkru dak li ġara fis‑Sette Giugno imma naħseb li llum, meta għandna Parlament b'rappreżentanti aktar friski, li magħhom qegħdin iġibu firxa usa' ta' esperjenzi, u li żgur kollha jaspiraw lejn futur aħjar għal pajjiżna, għandna nieqfu u nirriflettu dwar kif kull wieħed u waħda minna jista' jikkontribwixxi għall‑mixja demokratika ta' pajjiżna. L‑avvanzi li għamel il‑poplu Malti fis‑Sette Giugno tal‑1919 kienu strumentali biex tibda l‑mixja 'l quddiem, anke jekk b'passi żgħar, lejn il‑kisba tal‑ewwel Kostituzzjoni li tat il‑jedd lil missirijietna li jmexxu l‑materji interni tal‑pajjiż. L‑istess nistgħu ngħidu li ġara fix‑xhur li għaddew, fejn bil‑qbil taż‑żewġ partiti ewlenin fl‑interess tad‑demokrazija parlamentari rappreżentattiva ta' pajjiżna, tressqu u għaddew numru ta' emendi għall‑Kostituzzjoni u għal‑liġi elettorali biex tiżdied ir‑rappreżentanza femminili fil‑Parlament. Grazzi għal dan il‑mekkaniżmu, li tħaddem għall‑ewwel darba fl‑elezzjoni tas‑26 ta' Marzu ta' din is‑sena, il‑Parlament Malti, wara tant snin, għandu rappreżentanza iktar denja ta' din il‑parti sostanzjali tal‑popolazzjoni permezz ta' 22 deputati nisa. Għall‑ewwel darba fl‑istorja tiegħu l‑Parlament għandu rappreżentanza femminili ta' 28%, li għalkemm għadha 'l bogħod ferm mill‑mira ta' 40%, tista' żgur titqies bħala pass fid‑direzzjoni t‑tajba.
Kif jgħallmuna l‑ġrajjiet tas‑Sette Giugno u dawk li seħħew warajhom, il‑kisbiet il‑kbar spiss ikunu jafu l‑bidu tagħhom f'passi żgħar. Dawn il‑ġrajjiet huma wkoll xhieda tal‑fatt li kull żvilupp politiku ta' ċertu importanza qatt mhu faċli u li biex wieħed jimplimenta tali żvilupp irid jibqa' dejjem iħares 'il quddiem. Għalhekk issa huwa importanti li l‑parteċipazzjoni u l‑kontribut tan‑nisa fil‑Parlament jinħassu u jagħmlu differenza, inkluż fis‑16‑il Kumitat parlamentari u fid‑diversi organizzazzjonijiet interparlamentari li l‑Parlament Malti jipparteċipa fihom. Dan tal‑aħħar huwa importanti anke minħabba l‑fatt li ċerti organizzazzjonijiet internazzjonali jissanzjonaw lil dawk id‑delegazzjonijiet parlamentari nazzjonali li ma jkollhomx rappreżentanza xierqa tas‑sess femminili bit‑tnaqqis tan‑numru tal‑voti li tali delegazzjoni kieku kienet tkun intitolata għalihom. Din hija sanzjoni li l‑Parlament Malti diġà esperjenzaha.
Proprju ftit tal‑ġimgħat ilu pereżempju, f'laqgħa tal‑Unjoni Interparlamentari, organizzazzjoni importanti li fiha jipparteċipaw il‑parlamenti nazzjonali tal‑istati membri kollha tan‑Nazzjonijiet Magħquda, kien hemm diskussjoni dwar il‑gwerra bejn l‑Ukrajna u r‑Russja li fiha Malta pparteċipat b'mod sħiħ u attiv. Dakinhar, kieku d‑diskussjoni waslet għal vot, Malta kien ikollha żewġ voti inqas minħabba li fil‑kompożizzjoni tad‑delegazzjoni ta' pajjiżna b'mod konsistenti ma kienx hemm parteċipazzjoni ta' membru parlamentari femminili.
Nemmen li bħala pajjiż indipendenti, sovran u newtrali kif entrenched fil‑Kostituzzjoni Maltija, ninsabu fl‑aħjar pożizzjoni sabiex nargumentaw b'konvinzjoni fuq l‑importanza tad‑diplomazija, inkluż dik parlamentari, kull fejn ikun hemm kunflitt, gwerra jew nuqqas ta' qbil bejn pajjiż u ieħor. Huwa essenzjali li l‑parlamenti – li huma r‑rappreżentanti ewlenin tal‑popli – jiddjalogaw bejniethom, kemm fuq livell bilaterali kif ukoll fuq livell multilaterali. Bħala Parlament aħna dejjem ninsabu lesti li niddjalogaw ma' parlamenti nazzjonali ta' naħa u ta' naħa oħra mingħajr ebda kondizzjoni. Għalhekk il‑parteċipazzjoni parlamentari sħiħa u attiva f'dawn l‑organizzazzjonijiet internazzjonali bħall‑Unjoni Interparlamentari, l‑Assoċjazzjoni Parlamentari tal‑Commonwealth, l‑Assemblea Parlamentari tal‑Kunsill tal‑Ewropa, u oħrajn, hija importanti.
Dan iwassalni għal riflessjoni oħra li nemmen li għandna nagħmlu llum, dik dwar kif inkunu aktar effiċjenti fil‑ħin li aħna nallokaw għad‑dibattitu fil‑Parlament. Pereżempju, meta wieħed iqis in‑numru akbar ta' membri parlamentari li għandhom id‑dritt jitkellmu fuq kull mozzjoni, abbozz ta' liġi jew materja oħra, nemmen li għandna mill‑aktar fis naraw li jsir it‑tibdil meħtieġ fl‑Ordnijiet Permanenti tal‑Kamra tad‑Deputati sabiex jonqos il‑ħin massimu allokat għall‑interventi fil‑Kamra. M'għandix dubju li kwalunkwe intervent jista' jsir f'20 minuta jew inqas. Jekk forsi hemm bżonn aktar ħin sabiex jintlaħaq qbil dwar l‑emendi neċessarji għall‑Ordnijiet Permanenti, anke kif ġara f'leġiżlaturi preċedenti, il‑Kamra għandha taqbel dwar mozzjoni ta' proċedura li tistipula li l‑ħin massimu ta' intervent fil‑Parlament ikun ta' 20 minuta. B'dan il‑mod nemmen li l‑ħin tal‑Kamra jista' jsarraf f'aktar xogħol fl‑interess tal‑ġid komuni, kif wara kollox huwa mistenni mir‑rappreżentanti tal‑poplu Malti.
Materja oħra li nemmen wasal iż‑żmien li nerġgħu niddiskutu hija l‑dik tal‑ħin li fih jiltaqa' l‑Parlament, fejn dan ikun jakkomoda aħjar l‑eżiġenzi professjonali, familjari, personali u anke akkademiċi tan‑numru akbar u firxa aktar wiesgħa ta' Membri Parlamentari. Hemm ukoll il‑kwestjoni tal‑introduzzjoni tal‑Membri Parlamentari full time u tal‑għajnuna li l‑gruppi parlamentari għandhom jingħataw. Dan kollu għandu jifforma parti mid‑diskussjonijiet li nara li għandhom jingħataw spinta biex il‑Parlamentari jkun jistgħu jaqdu dejjem aħjar il‑mandat tagħhom, anke, jekk hemm bżonn, permezz ta' riallokazzjoni tar‑riżorsi li diġà qed jingħataw.
Punt ieħor li aċċennajt għalih f'diversi okkażjonijiet oħra u li naħseb li wasal iż‑żmien li naraw li jitwettaq huwa dak tas‑citizen's right of reply, ċjoè mekkaniżmu fejn ċittadin ikollu d‑dritt li jirrispondi għal dak li jkun intqal dwaru fil‑Parlament. Insostni li filwaqt li huwa essenzjali li l‑privileġġ parlamentari jinżamm biex ebda deputat ma jibża' jgħid il‑verità, daqstant ieħor huwa importanti li ħadd ma juża l‑privileġġ parlamentari b'mod abbużiv u li jagħmel ħsara lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jistgħux jirrispondu u jiddefendu lilhom infushom fil‑Parlament. Sal‑lum persuni li jħossu li fil‑konfront tagħhom saru dikjarazzjonijiet skorretti minn xi Membru Parlamentari waqt li jkun qed jindirizza lill‑Kamra jew lil xi kumitat, m'għandhom l‑ebda rimedju, anke jekk forsi dawk il‑persuni jkunu qed ibatu l‑konsegwenzi ta' dak li ntqal fuqhom fil‑Parlament jew ikunu għaddejja minn proċeduri fil‑qrati.
Hemm diversi mudelli, b'mod partikolari fil‑Commonwealth, li wieħed jista' jikkonsidra li jadotta meta jiġi biex jintroduċi din il‑proċedura parlamentari. Mudell interessanti huwa dak li jintuża fil‑Parlament ta' New Zealand, fejn huwa l‑Ispeaker li jara u jiddeċiedi jekk dak li jkun intqal fil‑Parlament minn xi Membru taħt il‑privileġġ parlamentari, setax kellu impatt negattiv fuq ċittadin, f'liema każ, mingħajr ma jidħol fil‑mertu tal‑kumment li jkun ta lok għall‑ilment, jippermetti li fir‑rekords tal‑Kamra tidħol ukoll il‑kjarifika li jkun għamel tali ċittadin. F'mudelli oħrajn fil‑Commonwealth l‑Ispeaker jirreferi l‑ilmenti li huwa jirċievi għall‑konsiderazzjoni u d‑deċiżjoni ta' kumitat parlamentari.
Minkejja li dan il‑kunċett ma hux daqstant komuni barra l‑Commonwealth, dan m'għandux iżommna lura milli ndaħħlu din il‑proċedura parlamentari li tipprovdi rimedju lil dawk iċ‑ċittadini li jħossu b'mod ġusifikat li l‑privileġġ parlamentari kien abbużat fil‑konfront tagħhom. Dan kif għamilna ftit tas‑snin ilu bil‑qbil taż‑żewġ naħat tal‑Kamra meta introduċejna miżuri biex ċittadini ma jkollhomx għalfejn javviċinaw Membru Parlamentari biex jippreżentaw petizzjoni lill‑Parlament. Illum ċittadin jaf li jekk il‑petizzjoni tiegħu tkun tissodisfa l‑kriterji stabbiliti, din se tersaq quddiem il‑Kumitat Permanenti dwar il‑Petizzjonijiet. Għalhekk, bħalma l‑Parlament għamel passi 'l quddiem f'dan ir‑rigward, hekk ukoll nemmen li hu opportun li nibdew naraw kif nindirizzaw din il‑kwestjoni delikata iżda importanti tas‑citizen's right of reply.
Meta nħarsu lura lejn l‑iżvilupp tal‑Parlament tagħna tul il‑ftit iżjed minn mitt sena mill‑ġrajjiet li qegħdin infakkru llum napprezzaw aħjar kif demokrazija parlamentari ħajja titlob li nibqgħu dejjem naraw x'jista' jsir biex inkomplu nsaħħu din l‑istituzzjoni u dan sabiex nilħqu l‑aspettativi dejjem jinbidlu tal‑poplu Malti. M'għandix dubju li din l‑14‑il Leġiżlatura ser issarraf f'ħames snin ta' esperjenza interessanti li matulhom kollha kemm aħna nimpenjaw ruħna sabiex ikollna Parlament li mhux biss jiffunzjona b'mod mill‑aktar effiċjenti, imma li jkun dejjem aktar relevanti u ta' eżempju fit‑tħaddim tad‑demokrazija parlamentari.
Filwaqt li permezz ta' din il‑kommemorazzjoni ta' kull sena tas‑Sette Giugno nibqgħu nfakkru u napprezzaw dak li għaddew minnu missirijietna, nawgura li permezz ta' din l‑istess tifkira nitħeġġu bl‑enerġija ħalli nkomplu nsaħħu l‑istituzzjoni parlamentari għall‑ġid tagħna u ta' dawk li ġejjin warajna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946