STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI SportMalta tingħaqad ma’ assoċjazzjonijiet sportivi għal għan filantropiku
Tħabbru d-dettalji ta' Hospice Malta Festa Sport, attività li se ssir minn SportMalta flimkien ma' diversi assoċjazzjonijiet sportivi biex jinġabru fondi għal Hospice Malta. L-ewwel edizzjoni ta' Hospice Malta Festa Sport se ssir fid-29 ta' Ġunju f'għadd ta' faċilitajiet sportivi u d-dħul mid-donazzjonijiet se jmur biex jitlesta s-St. Michael Hospice, l-ewwel faċilità għall-kura paljattiva f'Malta.
“SportMalta taħdem ma' diversi entitajiet governattivi u anki mhux governattivi biex inkomplu nagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. F'din il-Festa Sport qed naraw kif entità governattiva u s-settur tal-volontarjat flimkien ma' assoċjazzjonijiet sportivi qed iwasslu messaġġ, li b'ħidma professjonali, nistgħu nagħmlu d-differenza. B'hekk għandek l-udjenza sportiva li qed tagħti l-kontribut filantropiku tagħha", qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Kenneth Delia, Kap Eżekuttiv ta' Hospice Malta, tkellem dwar il-ħidma ta' din l-ogranizzazzjoni u qal li l-Hospice ilha għal dawn l-aħħar 33 sena toffri servizzi ta' kura paljattiva fil-komunità u din is-sena qed joqrob it-tlestija tal-proġett Nazzjonali ta' St. Michael Hospice li mistenni jinfetaħ lejn il-bidu tas-sena d-dieħla. “B'hekk inkunu nistgħu noffru servizzi ġodda u nkabbru s-servizzi eżistenti. Biżżejjed ngħidu li aħna noffru servizz lil madwar 1,300 familja li qegħdin fil-bżonn," qal Delia.
“B'din il-kollaborazzjoni Sport Malta qed tmur lil hinn mill-ħidma tagħha fis-settur sportiv, imma qed tgħaqqad l-isport ma' għan nobbli, dak li permezz tal-faċilitajiet tagħha u faċilitajiet oħra, tgħin fil-missjoni ta' Hospice Malta, dak li tagħti futur aħjar lill-pazjenti li jingħataw servizz minn din l-organizazzjoni," qal il-Kap Eżekuttiv ta' Sport Malta Mark Cutajar.
Andrew Zammit, Chief Relations Officer ta' Hospice Malta spjega li għall-Festa Sport se jkun hemm tournament tal-Badminton bejn id-09:00 u 12:00pm fil-Kumpless Sportiv ta' Ħal Kirkop; tournament tal-beach soccer fl-16:00 fil-Bajja s-Sabiħa, Birżebbuġa; kompetizzjoni tal-isparar bil-premji bejn id-09:00 u 12:00pm fix-Shooting Range f'Ta' Kandja; tournament tal-Volleyball mid-09:00 fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera u tournament tal-waterpolo under 13 u Ladies Development fil-Pixxina Nazzjonali bejn id-09:00 u 12:00pm. Se jkun hemm ukoll tournament tal-isnooker.
Il-parteċipanti f'kull attività jistgħu jagħtu donazzjoni żgħira li permezz tagħha jkunu qed jgħinu lil Hospice Malta. Kulħadd huwa mistieden. Għal aktar informazzjoni u biex tirreġistra żur is-sit https://hospicemalta.org/festa-sport/
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946