Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA An evaluation of performance audits in the public sector: Common audit findings (2017 – 2020)

pr220725
Date Icon 01/06/2022

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara ppreżenta l-istudju hawn fuq imsemmi lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia. Dan l-istudju eżamina 19-il rapport ta' verifika tal-prestazzjoni li ġew ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika bejn l-2017 u l-2020. Verifika tal-Prestazzjoni tanalizza kemm il-gvern qed jagħmel użu ekonomiku u effiċjenti mir-riżorsi disponibbli biex jilħaq l-għanijiet tal-policies tiegħu u jikseb l-impatt mistenni. Is-sejbiet fil-verifiki tal-prestazzjoni li saru kellhom impatt fuq il-governanza pubblika tajba, fi gradi differenti. Dawn l-osservazzjonijiet kienu jinkludu kwistjonijiet relatati mal-proċeduri tal-akkwist, monitoraġġ u infurzar, ġestjoni tar-riskji, konformità, amministrazzjoni, riżorsi umani, komunikazzjoni, teknoloġija u operat. 

Dan l-istudju pprova jqabbel l-osservazzjonijiet fid-19-il rapport ta' verifika tal-prestazzjoni, ma' prinċipji u ma' elementi oħra li jippromwovu governanza pubblika tajba. Madanakollu, huwa improbabbli li nuqqas speċifiku jkun jista' jiġi kategorizzat taħt prinċipju jew element wieħed ta' governanza. Dan iseħħ peress li dawn l-osservazzjonijiet iħallu impatt wiesa' fuq il-governanza pubblika tajba. Għaldaqshekk, il-283 osservazzjoni li ħarġu mill-imsemmija rapporti ta' verifika ta' prestazzjoni, ġew eżaminati bl-użu ta' mudell li inkorpora 14-il prinċipju u elementi oħra ta' governanza pubblika tajba. Dawn l-14-il element għandhom x'jaqsmu ma' effiċjenza, effettività, ġestjoni finanzjarja tajba, responsabbiltà, sostenibbiltà u orjentazzjoni fit-tul, strateġiji u policies, trasparenza, ġestjoni tal-kuntratti, rispons, kondotta etika, konformità mal-qafas regolatorju, kompetenza u kapaċità, innovazzjoni u teknoloġija kif ukoll il-koeżjoni soċjali. Dan il-mudell wera li l-prinċipji u l-elementi ta' governanza ntlaqtu 669 darba mill-osservazzjonijiet tal-NAO. Dan l-ammont jista' jitqies bħala wieħed minimu għaliex fil-prattika kull osservazzjoni tista' tolqot kull wieħed minn dawn l-14-il prinċipju jew element ta' governanza pubblika tajba minħabba l-interrelazzjoni ta' bejniethom.

Dan l-istudju wera biċ-ċar li n-nuqqasijiet irrappurtati fir-rapporti ta' verifika ta' prestazzjoni ppubblikati minn dan l-uffiċċju, jirrigwardaw primarjament il-prinċipji ta' governanza dwar l-effiċjenza u l-effettività, il-ġestjoni finanzjarja soda (ekonomija), kif ukoll il-kontabbiltà. Dan immaterjalizza għax, ġeneralment, l-awditi ta' prestazzjoni jkollhom tendenza li jħarsu l-iżjed lejn l-hekk imsejħa 3Es (Ekonomija, Effiċjenza, Effettività) filwaqt li f'ħafna każijiet l-evalwazzjoni fuq il-prinċipji oħra ta' governanza tkun aktar waħda ta' natura inċidentali milli ta' konsiderazzjonijiet speċifiċi fi ħdan l-għanijiet rispettivi tal-verifika. Madanakollu, fid-dawl tal-interrelazzjonijiet mill-qrib bejn dawn il-prinċipji ta' governanza, din l-istatistika bl-ebda mod ma timplika li prinċipju wieħed ta' governanza huwa aktar importanti minn ieħor. Barra minn hekk, l-okkorrenza baxxa fi prinċipju wieħed ta' governanza m'għandhiex titqies li tali nuqqas mhux mifrux f'elementi oħra ta' governanza tajba.

Ir-rapporti ta' verifika tal-prestazzjoni, fl-ambitu ta' dan l-istudju, juru li kienet teżisti l-opportunità li s-suċċessi miksuba mill-organizzazzjonijiet pubbliċi setgħu, xi drabi, inkisbu permezz ta' inqas riżorsi umani u finanzjarji, b'mod aktar mgħaġġel u/jew skont il-miri u l-għanijiet maħsuba. Jidher ukoll li xi wħud mill-osservazzjonijiet irrappurtati setgħu ġew evitati permezz ta' ppjanar aktar robust, kif ukoll direzzjoni strateġika u ta' policy, kontroll, komunikazzjoni mal-partijiet interessati u monitoraġġ aħjar. Parzjalment, dawn is-sitwazzjonijiet jimmaterjalizzaw minħabba informazzjoni li ma tkunx affidabbli jew inkella għax tkun frammentata. Dawn il-fatturi jnaqqsu milli jittieħdu deċiżjonijiet fuq il-bażi ta' data komprensiva u aktar f'waqtha.

L-NAO jipproponi disa' rakkomandazzjonijiet strateġiċi f'termini tal-kategoriji ewlenin ta' sejbiet identifikati f'din l-evalwazzjoni.

Dan ir-rapport huwa aċċessibbli minn www.nao.gov.mt jew mill-paġna ta' Facebook www.facebook.com/NAOMalta.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow