STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Titnieda konsultazzjoni pubblika dwar it-tħejjija ta’ Strateġija Nazzjonali għat-Trattament Xieraq tal-Annimali
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas- Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, nieda konsultazzjoni pubblika dwar it-tħejjija ta’ Strateġija Nazzjonali għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.
Il-Ministru Refalo spjega li, “Din il-konsultazzjoni pubblika hija opportunità ferm importanti għall-partijiet kollha interessati sabiex ikomplu jwasslu l-vuċi tagħhom favur id-drittijiet tal-annimali. Nemmen li minn dan il-proċess se joħorġu bosta punti kruċjali sabiex eventwalment ikunu inklużi fl-istrateġija nazzjonali.” Huwa stqarr kif dan kollu huwa xhieda ta’ gvern li jisma’ lil kulħadd, hekk kif dak li qed iseħħ illum huwa frott ta’ ħidma li saret fix-xhur li għaddew ma’ dawk involuti.
Il-Ministru Refalo għamel aċċenn ukoll kif fl-aħħar sentejn, il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali kkonsulta ma’ bosta u permezz ta’ dawn id-diskussjonijiet dawn setgħu jwasslu l-opinjonijiet u l-ħsibijiet tagħhom. Dan juri kif dan il-gvern huwa wieħed li jisma’ lil kulħadd. Huwa kkonkluda li, “L-impenn sabiex tissaħħaħ il-ħidma favur id-drittijiet tal-annimali huwa wkoll prijorità għal dan il-gvern, u għalhekk għas-snin li ġejjin hemm bosta proposti elettorali li se naħdmu qatigħ sabiex inwettquhom.”
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said qalet li, “L-annimali huma ħlejjaq sbieħ u kumplessi li għandhom ħtiġijiet differenti bbażati skont l-ispeċi, ir-razza u l-irwol tagħhom fis-soċjetà. Jiena sodisfatta u ħerqana b’dan il-pass tant bżonnjuż u bħala segretarju parlamentari responsabbli mis-settur għall-ħarsien tal-annimali, ninsab onorata li llum qegħdin inniedu din il-konsultazzjoni pubblika”. Is-segretarju parlamentari stqarret ukoll li din il-wegħda elettorali hija prova ta’ kemm dan il-gvern għandu l-interess tal-annimali fuq nett fl-aġenda tiegħu.
Permezz ta’ din il-konsultazzjoni pubblika ser tinġabar informazzjoni u opinjonijiet mill-pubbliku u mill-partijiet ikkonċernati sabiex twassal għall-abbozzar ta’ Strateġija Nazzjonali għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.
Uħud mill-għanijiet ta’ din il-konsultazzjoni pubblika jinkludu:
• Li jiġu riveduti l-miżuri attwali għall-benesseri tal-annimali.
• Li jiġu kkonsultati l-attivisti, l-NGOs, il-kunsilli lokali, s-santwarji u r-raħħala sabiex jaraw kif dawn jistgħu jiġu appoġġjati u jaħdmu id f’id mal-awtoritajiet pubbliċi biex itejbu l-benesseri tal-annimali.
• Li jiġi rikonoxxut l-irwol tal-produtturi primarji u li ssir ħidma biex jiġi evitat li jitpoġġew piżijiet sproporzjonati fuqhom.
• Li tikkunsidra l-estensjoni ta’ miżuri għall-benesseri tal-annimali f’Malta f’dak li jirrigwardja groomers, kennels, trainers u professjonijiet relatati oħra biex jiġi analizzat jekk għandux jiżdied il-livell ta’ protezzjoni legali għal ċerti speċijiet ta’ annimali.
Il-ministeru se jkun qed jorganizza numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni matul l-AGRIFAIR li se ssir bejn l-20 u t-22 ta’ Mejju fl-MFCC, Ta’ Qali. Ir-reġistrazzjonijiet għal dawn il-laqgħat jinsabu miftuħa u dawk interessati għandhom jirreġistraw billi jċemplu fuq 22924203.
Id-dokument tal-konsultazzjoni pubblika jista’ jiġi aċċessat minn: https://meae.gov.mt/mt/Public_Consultations/MAFA/Pages/Consultations/KonsultazzjonipubblikadwaritthejjijataStrategijaNazzjonalighatTrattamentXieraqtalAnnimali.aspx. Il-konsultazzjoni pubblika tingħalaq fis-17 ta’ Ġunju 2022.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946