Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-KUMITAT ORGANIZZATTIV TAL-ISTAT U MILL-KUMITAT ORGANIZZATTIV TAL-KNISJA Opportunità unika biex il-poplu Malti jagħti merħba mill-isbaħ lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku

pr220425
Date Icon 31/03/2022

Jumejn qabel tibda ż-żjara uffiċjali tal-Papa Franġisku f'pajjiżna bit-tema “Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha" meħuda mill-Atti tal-Appostli, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi flimkien maċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv tal-Istat Aaron Zahra indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet biex jingħataw dettalji dwar dan il-Vjaġġ Appostoliku.

L-Isqof Galea-Curmi qal li huwa b'ferħ kbir għalina l-Maltin u l-Għawdxin li wara sentejn li kien tħabbar dan il-vjaġġ, nhar is-Sibt li ġej nilqgħu fostna l-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku. Huwa rringrazzja lil kull min qed jagħti sehmu biex isseħħ din iż-żjara li għandha tħalli ħafna ġid.

L-Isqof għamel referenza għall-Udjenza Ġenerali ta' nhar l-Erbgħa li għadda, meta l-Papa Franġisku qal li ġej Malta bħala pellegrin fuq il-passi tal-Appostlu Pawlu, li hawn ġie milqugħ “bi ħlewwa liema bħalha" wara li safa nawfragu huwa u jivvjaġġa lejn Ruma.

Ħeġġeġ lill-Maltin kollha biex jilqgħu b'entużjażmu lill-Papa Franġisku minn kulfejn jgħaddi, jagħmlulu festa sabiħa, juruh l-imħabba ġenwina tagħhom, u jiftħu widnejhom u qalbhom għall-messaġġ tiegħu. “Meta l-Papa jitkellem, dejjem jagħraf iwassal messaġġ li tassew jolqot il-ħajja tagħna. Aħna ċerti li dak li se jgħidilna fid-diskorsi u omeliji  tiegħu se jkunu ta' għajnuna għalina biex nistgħu ngħixu l-valuri umani li jibnuna bħala soċjetà, jgħinuna nagħmlu l-għażliet tajbin, u ngħixu bħala aħwa, ulied l-istess Missier."

Is-Sur Aaron Zahra spjega li hekk kif jasal l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, il-Papa jintlaqa' mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż u jibqa' sejjer lejn il-Palazz tal-President fil-Belt Valletta għaċ-ċerimonja uffiċjali. Wara joħroġ fil-gallerija tal-Palazz fi Pjazza San Ġorg biex isellem liż-żgħażagħ u lin-nies miġbura. Minn hemmhekk jitla' lejn in-Nunzjatura fir-Rabat biex imbagħad waranofsinhar jaqbad triqtu lejn il-Port il-Kbir għal Għawdex.

Fil-Port il-Kbir mistennija ssir festa kbira hekk kif is-sidien tal-opri tal-baħar kif ukoll klabbs tar-regatta mistennija jakkumpanjaw it-tluq tal-Papa mill-Port il-Kbir bil-katamaran. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ ukoll biex jinġabar fil-Barrakka ta' Fuq u fl-inħawi tal-Isla u l-Birgu sabiex isellem lill-Papa Franġisku. Se jkunu qed jiġu sparati 21 tir mill-Barrakka ta' Fuq bħala tislima.

F'Għawdex mistennija laqgħa ta' talb li tibda għall-ħabta tal-17:30 fis-Santwarju ta' Ta' Pinu biex imbagħad jerġa' jmur Malta bil-bastiment ta' Ta' Pinu.

L-għada l-Ħadd, l-appuntament tal-Papa Franġisku jibda kmieni filgħodu hekk kif iżur il-Grotta ta' San Pawl fir-Rabat biex imbagħad jiċċelebra quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana li tibda fl-10:15, u fi tmiem il-quddiesa tingħad it-talba tal-Angelus. Wara jerġa' jmur in-Nunzjatura, biż-żjara tal-Papa tintemm waranofsinhar fil-Laboratorju tal-Paċi għal-laqgħa mal-migranti. Il-Papa u d-delegazzjoni tiegħu jaqbdu titjira tal-linja nazzjonali tal-arju l-AirMalta lura lejn Ruma għall-ħabta tas-18:00.

Iċ-Chairman Aaron Zahra spjega li madwar 300 ġurnalist se jkunu qed jagħmlu użu miċ-ċentru tal-midja f'lukanda ewlenija fil-Furjana, fejn 80 ġurnalist minnhom se jkunu qed jakkumpanjaw lill-Papa Franġisku matul it-titjira tiegħu lejn Malta. Qal li dan l-interess mill-ġurnalisti internazzjonali jixhed kemm hemm interess fiż-żjara tal-Papa f'pajjiżna. Stennija wkoll mill-poplu Malti u Għawdxi biex fl-10:00 tas-Sibt li ġej jasal il-Papa Franġisku.

Intant, fis-sigħat li għaddew waslu f'pajjiżna l-popemobiles kif ukoll il-vettura uffiċjali li l-Papa Franġisku juża barra l-Vatikan.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex f'dawn il-jumejn juża s-servizz tat-trasport pubbliku li se jkun qed iżid il-frekwenza tiegħu lejn l-attivitajiet ewlenin. Is-servizz tal-Gozo Channel u tal-Fast Ferry se jkun sospiż is-Sibt bejn l-16:00 u s-19:00.

Ir-rotot li minnhom se jkun qed jgħaddi l-Papa kif ukoll aktar dettalji dwar din iż-żjara jinsabu fuq is-sit papafrangisku.mt  u l-paġna uffiċjali fuq Facebook 'Pope Francis in Malta'.

STQARRIJA MILL-KUMITAT ORGANIZZATTIV TAL-ISTAT U MILL-KUMITAT ORGANIZZATTIV TAL-KNISJA Opportunità unika biex il-poplu Malti jagħti merħba mill-isbaħ lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku
STQARRIJA MILL-KUMITAT ORGANIZZATTIV TAL-ISTAT U MILL-KUMITAT ORGANIZZATTIV TAL-KNISJA Opportunità unika biex il-poplu Malti jagħti merħba mill-isbaħ lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku
STQARRIJA MILL-KUMITAT ORGANIZZATTIV TAL-ISTAT U MILL-KUMITAT ORGANIZZATTIV TAL-KNISJA Opportunità unika biex il-poplu Malti jagħti merħba mill-isbaħ lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku
STQARRIJA MILL-KUMITAT ORGANIZZATTIV TAL-ISTAT U MILL-KUMITAT ORGANIZZATTIV TAL-KNISJA Opportunità unika biex il-poplu Malti jagħti merħba mill-isbaħ lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku
STQARRIJA MILL-KUMITAT ORGANIZZATTIV TAL-ISTAT U MILL-KUMITAT ORGANIZZATTIV TAL-KNISJA Opportunità unika biex il-poplu Malti jagħti merħba mill-isbaħ lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Aktar mediċini mill-Formularju tal-Gvern se jkunu jistgħu jiġu mibdija jew imġedda mit-tobba privati tal-familja

PR261948

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow