STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Investiment ta’ €2 miljuni f’padiljun tal-handball
Sa nofs din is-sena se jkun lest il-Padiljun tal-Handball li x-xogħol fuqu għaddej bħalissa b’investiment ta’ €2 miljuni u għalhekk se jkun proġett ieħor li twettaq mhux biss għall-isportivi lokali, imma wkoll biex jilqa’ fih logħob internazzjonali.
“L-impenn tagħna f’dan is-settur, wegħednieh u qed inwettquh”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima meta żar ix-xogħol li għaddej fuq dan il-padiljun. “Din hija faċilità oħra sportiva li se tkun fuq speċifikazzjonijiet internazzjonali u għalhekk tiżdied mal-kullana ta’ faċilitajiet li lestejna għal dan il-livell, jew bnejna fuq livell internazzjonali”, qal il-Ministru Grima.
Ix-xogħol beda f’April tas-sena li għaddiet u għaddej b’ritmu mgħaġġel, tant li bħalissa qed titlesta l-istruttura tal-ħadid filwaqt li din il-ġimgħa stess se jibda jitpoġġa f’postu l-panelling li jgħatti din l-istruttura u wkoll jitpoġġew f’posthom l-aperturi kollha.
Il-padiljun, li huwa ta’ iktar minn 1,000 metru kwadru u għandu spazju għal mitt spettatur, se jkun l-ewwel kumpless f’Malta li nbena speċifikament għal din it-tip ta’ dixxiplina sportiva. Din il-faċilità qed tinbena fuq outdoor court li kien jagħmel parti mill-iskola sekondarja tal-bniet, magħrufa bħala Maria Assumpta. Se tinkorpora court full size tal-handball li jista’ jintuża kemm għat-taħriġ u biex jospita l-logħob lokali.
Il-gvern se jinvesti wkoll biex ikun hemm faċilitajiet ta' changing rooms u showers li jikkumplimentaw din il-faċilità li se tagħmel parti mill-Kumpless Sportiv ta’ Maria Assumpta, u b’hekk tingħaqad mal-Akkademja tas-Snooker, il-grawnd tal-futbol u faċilitajiet oħra li SportMalta qed taħdem fuqhom u li se jiżdiedu fi ħdan din il-faċilità.
Dan ix-xogħol kien possibbli għax fil-baġit li għadda ngħatat prijorità lis-settur tal-isport tant li l-investiment fis-settur kien wieħed rekord u b’hekk qed jitniedu faċilitajiet sportivi ġodda u jiġu modernizzati dawk eżistenti, filwaqt li jinbnew faċilitajiet kompletament ġodda.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar, qal li SportMalta qed taħdem bis-sħiħ biex tkompli ttejjeb l-infrastruttura sportiva u matul din is-sena se tkompli tinvesti kemm f’aktar faċilitajiet sportivi u fl-atleti sportivi kollha.
Alan Grima qal li l-Malta Handball Association dejjem stinkat biex ittejjeb il-livelli differenti tal-handball lokali. “Is-sala l-ġdida tal-handball fil-Ħamrun li għandha żona tal-logħob ta’ daqs internazzjonali se tgħinna niksbu aktar żvilupp. Se tagħti l-opportunità lill-klabbs tagħna biex iżidu s-sessjonijiet ta’ taħriġ ta’ kull ġimgħa u lit-timijiet nazzjonali tagħna biex jitħarrġu b’mod aktar regolari matul is-sena. Din is-sala se tospita wkoll xi logħbiet mill-kompetizzjonijiet nazzjonali tagħna tal-handball u se sservi bħala ċ-ċentru fejn plejers żgħażagħ ġodda jkunu attirati għal-logħba li hija waħda mill-għanijiet strateġiċi ewlenin tal-assoċjazzjoni”.
Stqarrijiet Oħra:
PR261949en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261949