Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Messaġġ mill-Uffiċċju tal-President

pr220244
Date Icon 21/02/2022

Messaġġ mill-Uffiċċju tal-President

Elezzjoni ġenerali hija dejjem avveniment importanti fil-ħajja ta' pajjiż demokratiku.

Hija l-mument li fih iċ-ċittadini jiġu mitluba jagħżlu lil min jixtiequ jmexxilhom il-pajjiż, u jagħżlu wkoll liema politika jixtiequ li jaraw tiġi mwettqa minn min jiġi magħżul.

Pajjiż demokratiku ma jitqiesx hekk biss għaliex iżomm elezzjonijiet liberi kull tant snin, iżda l-elezzjonijiet huma parti essenzjali mit-tħaddim tad-demokrazija.

Huwa għalhekk li wieħed għandu jqis dan l-eżerċizzju bħala mument ta' importanza kbira fil-ħajja ta' pajjiż demokratiku.

Issa li tħabbret id-data meta pajjiżna se jkollu elezzjoni ġenerali, inħoss li minbarra li naqdi d-doveri tiegħi bħala President, inħoss ukoll il-bżonn li nfakkar id-dmirijiet li jġorr kull min hu involut f'din l-Elezzjoni Ġenerali, kif ukoll il-konsegwenzi li l-poplu jista' jiffaċċja jekk dan l-eżerċizzju ma jingħatax l-importanza li tixraqlu.

Nappella l-ewwel nett lill-kandidati li se jippreżentaw irwieħhom biex jintgħażlu bħala l-mexxejja tal-poplu tagħna.

Infakkarhom biex ikunu onesti, sinċieri u trasparenti fil-wegħdiet tagħhom u li jpoġġu l-interess tal-poplu l-ewwel u qabel kollox. Inħeġġiġhom jaraw lilhom infushom bħala qaddejja li qegħdin joffru servizz lill-bqija tal-komunità bl-iskop li jintlaħaq l-ogħla livell ta' ġid komuni u mhux mod ieħor.

Inħeġġiġhom ukoll li kliemhom dwar dak li jridu jwettqu, u dwar il-mezzi li jridu jużaw biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, ikun ċar u tond u li ma jħalli ebda ekwivoku li jista' jagħti lok għal sorpriżi fl-interpretazzjoni waqt it-twettiq aktar 'il quddiem.

Il-poplu jixraqlu l-aħjar u għandu jintwera l-ogħla rispett lejn l-intelliġenza tiegħu u lejn dik il-fiduċja li biha jafda lil min se jippreżenta l-interessi tiegħu fit-tmexxija ta' pajjiżna.

Inħoss b'mod partikolari li għandi nirrakkomanda wkoll il-moderazzjoni u r-rispett fil-lingwaġġ li wieħed juża matul il-kampanja elettorali. Biex isiru l-argumenti u jiġu spjegati differenzi bejn opinjonijiet differenti, m'hemmx għalfejn kliem inġurjuż, tgħajjir, u insulti, wisq anqas akkużi bla bżonn, speċjalment jekk ikunu mibnija fuq allegazzjonijiet bla bażi.

Il-poplu ddejjaq jisma' kliem ta' ġlied, ta' diviżjoni u ta' firda. Pajjiżna għandu bżonn l-għaqda u t-turija ta' rispett reċiproku. Nistgħu ma naqblux, imma importanti li nuru rispett lil xulxin. Nikkritikaw mhux biex inkunu distruttivi imma idealment biex noffru alternattivi aħjar.

Jien nappella lill-awtoritajiet regolatorji f'pajjiżna, biex f'dan iż-żmien sensittiv u delikat li deħlin fih, iwettqu dmirijiethom bi skruplu, b'reqqa, b'imparzjalità, u bir-responsabbiltajiet kollha li ġġorr magħha l-funzjoni regolatorja li jpoġġu fuq spallejhom.

Nappella fuq kollox liċ-ċittadini kollha li se jiġu msejħa biex jagħmlu dmirhom u jagħżlu lil min jaħsbu li jkun l-aħjar biex imexxi 'l pajjiżna fis-snin li ġejjin.

Nixtieq infakkar li dan huwa dmir u dover importanti li soċjetà demokratika tistenna minna li naqdu b'impenn u b'responsabbiltà. Huwa fuq dawn l-għażliet li jiddependi ħafna fejn, fis-snin li ġejjin, se mmorru bħala pajjiż u min xiex nistgħu ngħaddu. L-għażliet li nagħmlu llum jista' jkollhom impatt qawwi fuq kif se niffaċċjaw il-problemi u nagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet li pajjiżna se jiltaqa' magħhom fis-snin li ġejjin.

Din hija għażla li trid ssir b'riflessjoni serja. Din mhix għażla dwar interessi personali, iżda għażla biex jitwettaq l-aħjar u l-aktar ġid fil-pajjiż li minnu jkunu jistgħu jgawdu u jgħixu b'mod aħjar l-akbar numru possibbli ta' ċittadini f'pajjiżna.

Din l-għażla għandha tpoġġi fuq quddiem il-ġid komuni, u mhux l-interessi settorjali jew personali.

Nixtieq li dawn il-ħsibijiet, pariri u xewqat jittieħdu bħala espressjoni sinċiera tal-ħerqa u t-tama li għandi għal pajjiż aktar hieni, aktar magħqud u aktar stabbli.

Pajjiżna ma jixraqlu xejn anqas.

Nagħlaq billi nawgura li bl-aktar mod matur, ngħaddu mill-kampanja elettorali li għadha kif ġiet imħabbra, bil-vot tagħna fis-26 ta' Marzu, naslu għall-aħjar għażla ta' min irridu li jmexxi pajjiżna għall-ħames snin li ġejjin.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow