STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANI U L-ANZJANITÀ ATTIVA Sessjonijiet dwar il-futbol għall-anzjani fi djar tal-gvern
Permezz ta' proġett pilota li se jitħaddem f'numru ta' djar tal-anzjani tal-gvern, se jiġu organizzati sessjonijiet dwar il-futbol mill-Malta Football Association. Dan grazzi għal ftehim iffirmat bejn id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Malta Football Association. Il-proġett, #mytime, minbarra li qed jiffaċilita l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet, se jkun qed jikkumplimenta numru ta' attivitajiet li jiġu organizzati mid-dipartiment lill-anzjani biex l-anzjani jibqgħu jgħixu ħajja ta' kwalità tajba.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia, fi tmiem l-iffirmar tal-ftehim, spjega li għal dan il-proġett pilota ġew identifikati sebat idjar, li huma tal-Mosta, tal-Imtarfa, tal-Furjana, tal-Mellieħa, ta' Bormla, Dar Żammit Clapp, u dik taz-Żejtun. Il-ministru qal li s-sessjonijiet se jkunu offruti kważi kollha mingħajr ħlas, għajr għal meta jkun hemm dħul għal logħob kompetittiv, fejn il-prezz xorta se jkun wieħed issussidjat. Huwa qal ukoll li t-trasport għall-attivitajiet se jkun ipprovdut mid-dipartiment.
Il-programm jinkludi s-sessjonijiet li ġejjin:
- Sessjoni ta' introduzzjoni mal-Football Social Responsibility Department;
- Żjara fl-istadium;
- Żjara fil-mużew tal-futbol u laqgħa mal-plejers tat-tim nazzjonali;
- Sessjoni ta' walking football jew attivitajiet fiżiċi adattati skont il-bżonnijiet tal-parteċipanti;
- Dħul sussidjat għall-istadium biex l-anzjani jaraw logħob tal-futbol magħżula mill-parteċipanti.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-MFA se toffri s-sessjonijiet mal-anzjani u kull koordinazzjoni meħtieġa mal-kelliema, tutors, l-istadium u l-mużew, materjal inkluż. Huwa qal li l-MFA se tiżgura li kull attività fiżika kkoordinata għall-parteċipanti tkun sigura u adattata skont il-kapaċitajiet tal-istess parteċipanti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950