Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX: Emenda legali li tintroduċi reviżjoni tal-multi tal-kaċċa u l-insib, kif ukoll li s-sospensjoni tal-liċenzja tkun limitata għal liċenzja abbonata mar-reat

pr220236
Date Icon 19/02/2022

Il-Ministeru għal Għawdex iħabbar emenda legali li tintroduċi sistema ta' punti penali ta' 12-il punt għal reati amministrattivi elenkati fi Skeda VIII tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (S.L. 549.42) u fi Skeda II tar-Regolamenti dwar il-Ħarsien tal-Fenek Selvaġġ (SL549.90).

Kull kategorija ta' reat hija assenjata numru ta' punti li jvarjaw minn tnejn sa erbgħa skont l-Iskeda fil-Liġi relattiva, eżempju erba' punti għall-użu jew il-pussess ta' xi apparat tal-elettriku jew elettroniku.

Ladarba individwu jakkumula 12-il punt jew aktar matul perjodu ta' sentejn, il-liċenzja ġenerali tiegħu (dik assoċjata mar-reati mwettqa f'każ li jkollu aktar minn liċenzja waħda) tiġi sospiża mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) u l-Pulizija għal perjodu ta' sena (1).

Matul il-perjodu ta' sospensjoni tal-liċenza ġenerali rilevanti, id-detentur tal-liċenzja ma jkunx eliġibbli biex japplika għal liċenzja speċjali assoċjata mal-liċenzja ġenerali rilevanti li tkun ġiet sospiża.

Il-punti kollha jiġu ssettjati għal żero jekk id-detentur tal-liċenzja ma jagħmilx reati amministrattivi oħrajn fi żmien sentejn mid-data tal-aħħar reat.

F'każ li d-detentur tal-liċenzja jappella mill-multa amministrattiva lit-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva u sakemm it-Tribunal jiddeċiedi jekk jirrevokax jew jibdilx il-piena amministrattiva jew le, il-perjodu ta' sentejn (2) jibqa' jgħodd u l-punti penali relatati ma' dak ir-reat inkwistjoni jiżdiedu ma' kwalunkwe punti penali li l-akkużat jakkumula, u jitnaqqsu biss mit-total jekk jinħeles mill-akkużi miġjuba kontrih.

Il-multi amministrattivi marbuta ma' kull kategorija ta' reati baqgħu l-istess, madankollu numru ta' reati ġew miżjuda mal-lista ta' reati li jikkwalifikaw għal multa amministrattiva u għalhekk m'għadhomx suġġetti għal proċeduri bil-qorti.

Għar-reati kollha mhux amministrattivi (li jkunu suġġett għal riferta l-Qorti), l-emendi legali neħħew is-sospensjoni jew ir-revoka tal-liċenzji ġenerali kollha u llimitaw tali sospensjoni jew revoka, f'każ ta' ħtija, għal-liċenzja ġenerali li magħha hemm abbinat tali reat. Dan ifisser li persuna li għandha, per eżempju, kemm il-liċenzja ġenerali tal-kaċċa għall-għasafar minn fuq l-art u anka l-liċenzja ġenerali tal-insib u tinstab ħatja ta' reat relatat mal-insib biss ma tiġix sospiża jew revokata l-liċenzja ġenerali tal-kaċċa iżda tal-insib biss, u viċi versa.

Regolamenti tal-2022 li jemendaw ir-Regolamenti dwar il-Ħarsien tal-Fenek jistgħu jinstabu fuq https://legislation.mt/eli/ln/2022/85/mlt u Regolamenti tal-2022 li jemendaw ir-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi jistgħu jinstabu fuq https://legislation.mt/eli/ln/2022/86/mlt.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow