STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-INTRAPRIŻA U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI Il-Ministru Miriam Dalli tħabbar l-estensjoni tal-wage supplement waqt li kumpanija Maltija tikkonferma investiment multimiljunarju
• Il-Ministru Miriam Dalli tħabbar l-estensjoni tal-wage supplement għax-xahar ta' Marzu
• Federated Mills b'investiment ta' €14.4 miljun
Il-wage supplement se jiġi estiż għax-xahar ta' Marzu għall-kumpaniji kollha li qed jeħduh bħalissa fil-format li hu, ħabbret il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha l-kumpanija Federated Mills plc ħabbret investiment ta' €14.4 miljun.
“L-investimenti mill-kumpaniji lokali huma riflessjoni ta' settur Malti reżiljenti, minkejja l-pandemija. Grazzi għall-impenn tal-Gvern Malti bi skemi u b'inċentivi varji, il-kumpaniji lokali setgħu jibqgħu joperaw. Bihom irnexxielna naċċertaw li dawn il-kumpaniji jkunu f'qagħda finanzjarja biex jinvestu fil-futur tagħhom," spjegat il-Ministru Miriam Dalli.
“Illum qed inħabbru li l-wage supplement se jkun qed jiġi estiż għax-xahar ta' Marzu. Il-wage supplement se jkun qed jiġi estiż bil-format ta' kif inhu bħalissa, għall-kumpaniji kollha li qed jeħduh bħalissa."
Permezz ta' dan, l-għajnuna lin-negozji bil-wage supplement tlaħħaq mas-€700 miljun.
Investiment lokali ta' €14.4 miljun
Federated Mills plc se tinvesti €14.4 miljun f'impjant ġdid f'Kordin li se jżid il-kapaċitajiet tal-manifattura u l-ħażna tagħhom, u se tuża makkinarju aktar effiċjenti u timxi lejn operat aktar sostenibbli. Il-kumpanija għandha rwol sinjifikanti fis-suq tal-ikel Malti, responsabbli għall-provvista ta' 70% mid-dqiq mibjugħ lokalment u tal-manifattura ta' dqiq meħtieġ għal ikel tradizzjonali, bħall-ħobż Malti.
“Ninsabu fiduċjużi ħafna li dan l-investiment, flimkien ma' aktar investiment fil-kapaċitajiet tal-impjegati tagħna, se nkomplu naraw lil Federated Mills isservi kważi d-domanda kollha tas-suq lokali b'prodott aħjar għall-klijenti tagħna li huma dawk li fl-industrija tal-prodotti tal-ikel, tal-ħelu u tal-ħobż," spjegat iċ-Chairperson Rachel Stilon.
L-investiment se jsir fuq medda ta' sentejn, grazzi għall-għajnuna mogħtija mill-Malta Enterprise, biex b'hekk Federated Mills tmexxi l-operat tagħha minn fejn hu bħalissa fil-Marsa għall-post ġdid fiż-żona industrijali ta' Kordin.
L-investiment jikkonsisti fil-kostruzzjoni tal-impjant u fix-xiri ta' sistema ta' produzzjoni ddisinjata għall-ħtiġijiet tat-tħin attwali kif ukoll futuri tagħhom. Dan se jippermetti lil Federated Mills tkompli tiżviluppa u tipproduċi prodotti ta' kwalità għolja u tidħol fi swieq ġodda. F'dan l-investiment, Federated Mills qed timxi mal-element ta' sostenibbiltà fejn se tinvesti f'makkinarju modern li għandu jtejjeb il-produzzjoni u l-effiċjenza.
Malta Enterprise qed tappoġġa dan il-proġett li għandu jagħmel il-kumpanija iktar kompetittiva kif ukoll ikompli jassigura l-provvista ta' dan l-ikel bażiku u meħtieġ fis-suq Malti. L-impjant il-ġdid se jżid il-kapaċitajiet tal-ħażna tal-kumpanija biex b'hekk titnaqqas id-dipendenza sħiħa preżenti fuq is-silos tal-Kordin Grain Terminal.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950