Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT: Titwaqqaf l-awtorità EquestriMalta

pr220228
Date Icon 18/02/2022

Ingħata bidu għal paġna ġdida għall-isport taż-żwiemel f’pajjiżna, għax bit-twaqqif tal-awtorità EquestriMalta, li se tkun responsabbli mill-isport taż-żwiemel f’pajjiżna, se sservi ta’ outreach għad-dixxiplini sportivi kollha tal-isport ekwestri.

EquestriMalta tnediet mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima flimkien maċ-Chairman tagħha, l-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi u l-Kap Eżekuttiv Max Zammit.

Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar il-ħidma li saret biex jara li din il-ħolma tad-dilettanti kollha ta’ dan l-isport issir realtà, li jkollhom aktar professjonalità f’din id-dixxiplina sportiva. “Din hija ħidma li bdiet u kompliet tintensifika meta s-settur tal-isport ġie elevat għal ministeru”, qal il-Ministru Grima. “Permezz ta’ din l-awtorità se naraw li dan l-isport ikompli jikber u jsir ferm aktar professjonali u għalhekk inkomplu ngħolluh għal livell ta’ eċċellenza”.

EquestriMalta se tara li tiżviluppa s-settur tat-tiġrijiet taż-żwiemel f’Malta u l-isport ekwestri permezz ta’ rikonoxximent u regolamentazzjoni xierqa, bil-prinċipju gwida li jħaddan l-integrità ta’ dan l-isport. Se ssir ħidma mhux biss biex pajjiżna jmur fuq il-mappa internazzjonali ta’ dan l-isport, imma wkoll biex ikun attirat turiżmu sportiv ta’ kwalità lejn pajjiżna.

“Din se tkun awtorità li permezz tagħha se naraw ukoll li jkollna rappreżentanza maġġura fil-fora internazzjonali marbuta ma’ din id-dixxiplina sportiva”, qal il-Ministru Grima. “Se tassigura wkoll li bħala pajjiż ikollna vuċi li tirrappreżenta u tħares l-interessi tas-sidien, tal-ispettaturi, imma wkoll taż-żwiemel”.

Se jkun xogħol l-awtorità li tara li jkun hemm protezzjoni xierqa tal-annimali li jieħdu sehem f’dan l-isport u li jkun żgurat trattament xieraq taż-żwiemel. L-għanijiet tal-awtorità se jintlaħqu billi jkun hemm aktar organizzazzjoni, serjetà u dixxiplina sew fejn jidħlu standards; inklużi dawk li huma sistemi għall-ħarsien tal-annimali, integrità u saħħa (doping), kif ukoll il-gaming marbut ma’ dan l-isport.

Huwa wkoll xogħol EquestriMalta li ssir ħidma biex pajjiżna jkollu faċilitajiet state-of-the-art, li barra li jattiraw kompetizzjonijiet internazzjonali, jgħinu wkoll biex dawn ikunu postijiet imfittxija mill-familji, filwaqt li ssir ħidma ħalli dan l-isport ikompli jkollu ġerrejja u atleti ta’ eċċellenza.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta, Max Zammit, qal li bit-twaqqif ta’ din l-awtorità mistennija jogħlew l-istandards f’dan l-isport tant segwit minn eluf ta’ dilettanti. Żied jgħid li t-talent u d-dedikazzjoni tas-sidien u tal-isportivi ta’ dan l-isport huwa għoli u permezz ta’ struttura professjonali li tinkludi titjib fil-faċilitajiet u fl-edukazzjoni, dan l-isport jista’ jkompli javvanza, anke f’fora internazzjonali bil-kollaborazzjoni tal-klabbs u tal-federazzjonijiet lokali li din l-awtorità tiltaqa’ regolarment magħhom. 

Iċ-Chairman ta’ EquestriMalta, l-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi, spjega li għall-ewwel darba se tkun imħarsa bis-serjetà l-integrità sportiva biex dan l-isport jogħla fil-livell u l-parteċipazzjoni tkompli tiżdied b’mod mill-aktar professjonali u serju. Qal li se jkunu mħarsa anke fatturi bħall-ħarsien tal-annimali kif ukoll regolarizzazzjoni tal-liġijiet skont l-istandards internazzjonali.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT: Titwaqqaf l-awtorità EquestriMalta
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT: Titwaqqaf l-awtorità EquestriMalta
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT: Titwaqqaf l-awtorità EquestriMalta
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow