Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA U L-INDUSTRIJA Ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tar-Rabat dwar trasferiment ta’ proprjetà pubblika, se jwitti t-triq għal day car centre fir-Rabat

pr220226
Date Icon 18/02/2022

Bi ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tar-Rabat, twittiet it-triq biex għall-ewwel darba, ir-residenti Rabtin ikollhom day care centre, ħabbar il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri. Il-ministru ppresieda dan il-ftehim filwaqt li pprovda dettalji ta' skema li l-Kunsill Lokali tar-Rabat ibbenefika minnha, u li permezz tagħha, issa jista' jitwettaq il-proġett.

“Permezz tal-iskema ta' allokazzjoni ta' proprjetà pubblika magħrufa bħala devoluzzjoni, se jingħaddu tliet garaxxijiet mill-awtorità għal għand il-kunsill lokali biex ikunu mibdula f'day care centre, bil-possibbiltà li jiżdied garaxx ieħor, hekk kif jinsabu fi stadju avvanzat id-diskussjonijiet dwar dan. Dan it-trasferiment se jiskatta l-proġett tal-Kunsill Lokali tar-Rabat li ilu tant mixtieq mir-Rabtin," spjega l-Ministru Schembri.

Il-ministru pprovda dettalji dwar kif kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex raw li jibbenefikaw minn din l-iskema għall-benefiċċju tal-komunitajiet li jirrappreżentaw. Fil-fatt, sa tmiem is-sena li għaddiet, l-Awtorità tal-Artijiet irċeviet 40 applikazzjoni minn kunsilli lokali.Minn dawn l-40 applikazzjoni, 30 ġew konklużi sal-aħħar tas-sena li għaddiet. Kien hemm 24 applikazzjoni konkluża u approvata, u fuq 80% minnhom saħansitra sar ukoll il-ftehim ta' trasferiment bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-kunsill lokali rispettiv.

“Iżjed minn hekk, kien hemm sitwazzjoni ta' backlog fil-proċess ta' tiġdid ta' kuntratti ta' devoluzzjoni bejn L-awtorità u l-kunsilli lokali li kienu ngħaddew snin ilu u ngħataw il-ġenb. Matul is-sena li għaddiet ukoll, din is-sitwazzjoni ta' backlog ġiet indirizzata b'suċċess. Għalhekk bil-fatti, u iżjed minn qabel, qed naraw Awtorità tal-Artijiet viċin in-nies, b'ħidma effettiva li tasal għand in-nies, kif qed taraw fil-każ tal-(lum). Dan il-ftehim se jwitti t-triq għal day care centre. Dan se jsir b'investiment ta' €350,000 u iżjed minn hekk bħala residenti se tkunu qed tgawdu minn riġenerazzjoni tant mixtieqa minnkom ir-residenti ta' din iż-żona fir-Rabat," qal il-Ministru Schembri.

Il-binja ġdida se jkollha sala kbira mgħammra bil-faċilitajiet kollha li jippermettu biex isiru diversi attivitajiet matul il-jum.

Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus qal li bil-pass tal-lum se tibda l-ħolma li tant xtaqu r-residenti Rabtin, tant li għal bosta snin in-nuqqas ta' day care centre kien qed iwassal biex bosta anzjani jkollhom imorru f'irħula oħra biex jattendu attivitajiet ta' matul il-jum. 

“Dan il-ftehim li tant ilna naħdmu fuqu ser iwassal biex din iż-żona terġa' tingħata lura l-ħajja. Dan is-sit ilu mitluq għal diversi snin u għalhekk il-Kunsill Lokali tar-Rabat ħass li għandu jiddiskuti mal-gvern biex jgħaddi din il-proprjetà lill-kunsill tar-Rabat, biex b'hekk inkunu nistgħu nwettqu proġett komunitarju. L-għan ta' dan il-proġett hu li nersqu aktar viċin ir-residenti ħalli nkunu ta' servizz lejn din iż-żona tar-Rabat magħrufa bħala tan-Nigret. Nixtieq nirringrazzja lill-Ministru Silvio Schembri li wara li spjegajnielu dan il-proġett, mill-ewwel ħa interess u (llum) wasalna għal dan il-ftehim li jtejjeb ħidmet il-kunsill tar-Rabat u ħajjet ir-residenti," ikkonkluda s-Sur Craus.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA U L-INDUSTRIJA Ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tar-Rabat dwar trasferiment ta’ proprjetà pubblika, se jwitti t-triq għal day car centre fir-Rabat
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA U L-INDUSTRIJA Ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tar-Rabat dwar trasferiment ta’ proprjetà pubblika, se jwitti t-triq għal day car centre fir-Rabat
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA U L-INDUSTRIJA Ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tar-Rabat dwar trasferiment ta’ proprjetà pubblika, se jwitti t-triq għal day car centre fir-Rabat
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow