STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER
L-isfida tal-immigrazzjoni għandha twassal biex l-Unjoni Ewropea tkompli twettaq il-programm tagħha biex tgħin lill-pajjiżi meqjusa fqar u sottożviluppati bil-għan li jiksbu, fl-iqsar żmien possibbli, livell ta’ żvilupp fejn iċ-ċittadini tagħhom ikunu jistgħu jgħixu ħajja tassew dinjituża – L-Ispeaker Anġlu Farrugia
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia ltaqa’ ma’ delegati Ewropej li qed jattendu konferenza f’Malta dwar id-diversità fl-Ewropa u l-integrazzjoni soċjali tal-immigranti.
Fid-diskors tiegħu, l-Ispeaker tkellem dwar il-valuri għonja tad-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuna umana li jħaddnu l-popli fl-Unjoni Ewropea, inkluż, id-dritt ta’ kull persuna li jfittex f’pajjiżi oħra kenn u ażil mill-persekuzzjoni. Hu qal li matul l-aħħar snin, in-numru ta’ immigranti fid-dinja żdied minn 173 miljun fis-sena 2000 għal 258 miljun fl-2017.
L-Ispeaker semma li s-suċċess ekonomiku u soċjali fl-Unjoni Ewropea wassal biex l-Ewropa tikseb reputazzjoni tajba ta’ stabbiltà politika u ekonomika u dan qed iħajjar bosta individwi li jitilqu pajjiżhom, li huma fqar jew milquta minn konflitt u ġlied reġjonali, bil-għan li jiksbu għajxien aħjar f’pajjiżi Ewropej.
Qal ukoll li l-Baħar Mediterran hu l-aktar mezz imfittex mill-immigranti biex jaslu fl-Ewropa iżda sfortunatament, bosta jkunu dawk li jegħrqu u jmutu fil-baħar, tant li llum il-Mediterran jitqies bħala ċimiterju tal-immigranti. Għalkemm dawn l-individwi m’għarfux l-aktar mod xieraq u legali biex jidħlu fl-Ewropa, l-Ispeaker irrikonoxxa li kull min isib ruħu f’diffikultà għandu jkun salvat mill-għarqa u anke mill-mewt, għandu jingħata smigħ xieraq u ġust għat-talba tiegħu għal status ta’ refuġjat u għal protezzjoni umanitarja, u dan għandu jsir bl-kollaborazzjoni sħiħa ma’ stati oħra fl-Unjoni Ewropea bħala salvagawdja kontra kull abbuż u biex jitħarsu l-interessi nazzjonali.
Qal ukoll li llum, l-ebda soċjetà fl-Ewropa ma tista’ titqies bħala omoġenja, fejn ir-realtà ta’ soċjetà multietnika, fejn il-popli Ewropej iħaddnu l-prinċipji demokratiċi u jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, twassal għal aktar tollerenza, għarfien u apprezzament tal-importanza li l-bnedmin ta’ tessut etniku u kulturali differenti minn xulxin, jagħtu l-kontribut tagħhom għat-tisħiħ tal-personalità Ewropea. Saħaq li għaldaqstant huwa fl-interess tal-Ewropa li l-immigranti sinċiera jkunu megħjuna jegħlbu kull diffikultà li ġġib magħha l-integrazzjoni soċjali tagħhom.
“L-isfida tal-immigrazzjoni għandha twassal biex l-Unjoni Ewropea tkompli twettaq il-programm tagħha biex tgħin dawk il-pajjiżi meqjusa fqar u sottożviluppati bil-għan li jiksbu fl-iqsar żmien possibbli, livell ta’ żvilupp fejn iċ-ċittadini tagħhom ikunu jistgħu jgħixu ħajja tassew dinjituża”, ikkonkluda l-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950