Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA U L-VOLONTARJAT Imnedija żewġ skemi ta’ taħriġ għall-organizzazzjonijiet volontarji b’investiment ta’ €40,000

pr220196
Date Icon 11/02/2022

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli nediet żewġ inizjattivi ta' taħriġ għal organizzazzjonijiet volontarji b'investiment ta' €40,000.

F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Julia Farrugia Portelli spjegat li l-ewwel inizjattiva hi t-Training Initiatives Scheme, li fl-aħħar sitt snin tat sostenn lill-voluntiera biex dawn setgħu jkomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom fix-xogħol volontarju permezz ta' aktar għarfien fuq livell personali.

Il-ministru stqarret li din l-iskema għandha l-għan li tgħolli l-livell ta' professjonalità fis-servizzi u fl-inizjattivi li jimplimentaw l-organizzazzjonijiet volontarji fil-komunità u għandha żewġ prijoritajiet.

L-ewwel prijorità hi dik li ssostni lil voluntiera individwali li jifformaw parti minn organizzazzjoni volontarja, biex jieħdu t-taħriġ li hu ta' benefiċċju għalihom, għall-organizzazzjoni volontarja, għal organizzazzjonijiet volontarji oħra u għall-komunità b'mod ġenerali. Għal dan il-għan qegħdin jiġu allokati €12,000.

It-tieni prijorità hi dik li tagħti appoġġ lil organizzazzjonijiet volontarji biex jorganizzaw inizjattivi ta' taħriġ li jkunu ta' benefiċċju kemm għall-organizzazzjoni nnifisha, għal organizzazzjonijiet volontarji oħra u għall-komunità b'mod ġenerali. Għal dan il-għan qegħdin jiġu allokati €28,000.

Permezz ta' din l-iskema, mhux biss se tingħata għajnuna lill-voluntiera biex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jagħmlu xogħolhom b'mod aktar professjonali u effiċjenti, iżda se tkompli wkoll issir promozzjoni għal ċittadinanza attiva.

Il-Ministru Farrugia Portelli nediet ukoll inizjattiva oħra li tikkonsisti fi programm ta' taħriġ li hu parti mill-proġett Inisie. Dan il-proġett, li hu ffinanzjat minn fondi tal-Interreg Malta – Italia se jkun jikkonsisti f'14-il sessjoni ta' taħriġ għal amministraturi ta' organizzazzjonijiet volontarji.

Dan it-taħriġ se jingħata wara li l-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju għamel riċerka dwar l-oqsma prinċipali fejn ikun l-aktar benefiċċju li jingħata t-taħriġ. Dawn is-sessjonijiet se jsiru flimkien mal-partijiet ikkonċernati u l-esperti fil-qasam, fosthom mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data, SEM, EUPA, u esperti u professjonisti oħra. Dawn is-suġġetti se jiġu diskussi wkoll mal-organizzazzjonijiet volontarji bħala programm ta' konsultazzjoni biex itejbu l-ħiliet tagħhom f'ċerta oqsma. Is-sessjonijiet se jsiru bejn Marzu u Ġunju ta' din is-sena.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas- Settur Volontarju Mauro Pace Parascandalo qal li, “Bħala Kunsill tal-Volontarjat wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħna hu li nsostnu lis-settur mhux biss finanzjarjament, iżda aktar importanti sabiex jikber fil-kapaċità tiegħu permezz ta' taħriġ kemm għall-amministraturi kif ukoll għall-voluntiera."

Il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji Jesmond Saliba enfasizza dwar l-importanza li amministraturi ta' organizzazzjonijiet volontarji jingħataw l-għodda u t-taħriġ neċessarju. Permezz tal-inizjattiva tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju u bl-appoġġ tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, dan l-investiment fl-amministraturi u l-għaqdiet volontarji verament jistgħu jkunu msieħba strateġiċi fil-formulazzjoni ta' Malta.

L-applikazzjonijiet għal dawn l-iskemi jiftħu minn nhar it-Tnejn, 14 ta' Frar, 2022 u aktar informazzjoni se tkun disponibbli fuq il-portal tal-organizzazzjonijiet volontarji: vofunding.org.mt.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA U L-VOLONTARJAT Imnedija żewġ skemi ta’ taħriġ għall-organizzazzjonijiet volontarji b’investiment ta’ €40,000
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA U L-VOLONTARJAT Imnedija żewġ skemi ta’ taħriġ għall-organizzazzjonijiet volontarji b’investiment ta’ €40,000
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA U L-VOLONTARJAT Imnedija żewġ skemi ta’ taħriġ għall-organizzazzjonijiet volontarji b’investiment ta’ €40,000
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow