STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Inawgurat ċentru nazzjonali ġdid għad-distribuzzjoni tal-fjuwil f’Ħas-Saptan
Faċilità ġdida li se twassal għal tnaqqis ta' 20% f'emmissjonijiet u żieda ta' 60% fl-effiċjenza tal-operat
Ċentru nazzjonali ġdid għad-distribuzzjoni tal-fjuwil f'Ħas-Saptan ġie inawgurat tard it-Tlieta filgħaxija mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli.
L-investiment ta' €70 miljun sar mill-kumpanija Enemed, id-distributur nazzjonali tal-prodotti tal-pitrolju f'Malta.
Dan l-investiment multi-miljunarju wassal għall-għeluq tal-impjant tal-31 ta' Marzu 1979 f'Birżebbuġa u l-ftuħ ta' faċilità ġdida mgħammra bl-aħħar teknoloġija li tipprovdi operat iktar modern, effiċjenti u sostenibbli.
Iċ-ċentru se jkun qed iżid l-effiċjenza fl-operat tiegħu b'60%, filwaqt li jnaqqas l-emmissjonijiet ta' CO2 b'20%, hekk kif se jonqos it-traġitt tat-trakkijiet.
Matul id-diskors tal-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-faċilità ta' Ħas-Saptan hija eżempju ċar ta' kif, permezz ta' teknoloġija innovattiva, is-servizz provdut qed jiġi mmodernizzat filwaqt li jitnaqqas l-impatt negattiv fuq il-komunitajiet tal-madwar.
“Nafu kemm ġarret piż il-komunità ta' Birżebbuġa bil-ħażna tat-tankijiet tal-fjuwil. L-ikbar piż kien riżultat ta' infrastruttura antika li tħalli impatt negattiv fuq is-saħħa daqskemm wieħed estetiku," qal il-Prim Ministru.
Kien għalhekk, qal il-Prim Ministru Abela, li l-gvern ma injorax dawn il-weġgħat u għalaq l-impjant tal-31 ta' Marzu. Iżda din ma kinitx sempliċiment rilokazzjoni, saħaq il-Prim Ministru. Din il-faċilità, b'investiment ta' €70 miljun, qed telimina l-ħruġ ta' emmissjonijiet tossiċi fl-arja waqt it-trasferiment tal-fjuwil, li jagħmlu l-ħsara kemm lill-ambjent kif ukoll lin-nies.
Qal li dan huwa l-mod kif irridu nibqgħu naħdmu fi proġetti oħra fejn hemm l-industrija, biex filwaqt li dan il-pilastru tal-ekonomija Maltija jkompli jissaħħaħ, l-industrija tħaddan standards ġodda li jassiguraw il-kwalità tal-ħajja u t-titjib fl-ambjent.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif dan l-investiment huwa parti minn pjan akbar biex tkun riġenerata n-naħa ta' isfel ta' Malt, b'mod li twassal għal kwalità ta' ħajja aħjar għar-residenti. Fosthom, ir-riġenerazzjoni tal-Park tal-familja f'Bengħajsa.
“Qed nagħtu nifs ġdid lir-residenti ta' Birzebbuġa u l-madwar. Ftit tax-xhur ilu, għalaqna uffiċjalment l-impjant l-antik tal-31 ta' Marzu, li għal għexieren ta' snin wassal biex jidħlu trakkijiet fil-qalba tar-rahal ħalli jimlew il-fjuwil. Dan illum spiċċa darba ghal dejjem għax din l-operazzjoni issa qed issir kollha mill-impjant il-ġdid," qalet Miriam Dalli.
Il-Ministru spjegat ukoll kif l-investiment qed joffri l-aktar teknoloġija moderna biex il-pajjiż ikun moqdi bl-aħjar mod. L-investiment jagħmilha possibbli biex l-Enemed tkompli tgħolli l-istandards tagħha u toffri fjuwil ta' kwalità ogħla.
L-installazzjoni ta' Ħas-Saptan tinsab 45m 'l isfel mill-art u kienet mibnija fl-1950 mill-Ammiraljat Brittaniku u ko-finanzjata mill-pajjiżi membri tan-NATO. Il-faċilità hija konnessa ma' żewġ mini taħt l-art, waħda li twassal għal Ras Ħanżir fil-Port il-Kbir u oħra li twassal għall-port ta' Marsaxlokk.
“Is-suċċess ta' dan il-proġett jipprovdi kontribuzzjoni sinifikanti biex nilħqu l-viżjoni tagħna li nsiru l-għażla preferuta tal-impjegati, il-klijenti u x-shareholders tagħna," qal iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemed Kevin Chircop.
Fiċ-ċentru saru diversi tibdiliet, fosthom l-installazzjoni ta' saff ieħor fit-tankijiet tal-fjuwil li jwasslu għal aktar sigurtà, l-installazzjoni ta' pompi ġodda għat-trasferiment tal-fjuwil u apparat teknoloġiku ieħor fil-pajpijiet tal-faċilità taħt l-art.
Dan minbarra l-iddisinjar u l-bini ta' faċilità għall-ħażna tal-fjuwil fuq l-art biex it-trakkijiet jgħabbu u jqassmu l-fjuwil b'mod effiċjenti u sigur madwar il-gżejjer Maltin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950