Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI, MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR, MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U **

pr220166
Date Icon 06/02/2022

** L-ISPORT

Investiment ta’ iktar minn miljun ewro fil-Biċċerija Pubblika

Ġie inawgurat investiment ta’ iktar minn miljun ewro fil-Biċċerija Pubblika li wassal biex waqt li jkun issalvagwardjat wirt industrijali uniku fil-gżejjer Maltin, ikun imnaqqas l-impatt ambjentali tal-operat tal-istess impjant permezz ta’ użu ta’ enerġija iktar nadifa. L-investiment totali sar fir-restawr tat-torri storiku tal-ilma, id-daħla tal-Biċċerija, li tmur lura għall-aħħar snin tas-seklu dsatax, u l-installazzjoni ta’ sistema ta’ pannelli fotovoltajċi.

Parti kbira minn dan l-investiment saret f’ torri storiku tal-ilma, wieħed mill-ewwel strutturi tal-concrete fil-gżejjer Maltin. Dan kien strumentali għall-operat tal-Biċċerija għal madwar ħamsin sena. It-torri, li kien iddeterjora ħafna maż-żmien, ġie restawrat u issa se jerġa’ jibda jintuża għall-ħażna ta’ ilma ppurifikat li jkun se jintuża fis-sistema ta’ tisħin tal-ilma fil-Biċċerija. 

Ir-restawr tat-torri sar b’investiment ta’ madwar €250,000 minn fondi nazzjonali, €70,000 mill-Awtorità tal-Ippjanar u madwar €500,000 bħala parti minn proġett ta’ riċerka tal-Università ta’ Malta, ikkofinanzjat mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Horizon 2020. 

Ir-restawr sar taħt id-direzzjoni tal-Professur Ruben P. Borg u fih ġew utilizzati teknoloġiji innovattivi li waslu biex Malta tkun fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa fejn l-istess teknoloġija intużat fil-prattika. Hekk, Malta tpoġġiet fuq il-mappa f’dak li għandu x’jaqsam ma’ riċerka avvanzata fuq concrete. F’dan it-torri ġiet installata ukoll sistema li żżommu taħt moniteraġġ kontinwu biex b’hekk, bħala parti mill-istess riċerka, jkunu osservati dawn il-materjali innovattivi f’kundizzjonijiet ambjentali u ta’ operat differenti.

Il-post fejn jinsab, kif ukoll il-materjali li huwa magħmul minnhom se jgħinu biex, b’mod partikolari fir-rebbiegħa u fis-sajf, t-temperatura tal-ilma maħżun fiħ titla’, u dan se jgħin fil-proċessi sussegwenti. Dan hekk kif se tiġi utilizzata anqas enerġija biex l-ilma jilħaq it-temperatura ta’ 83⁰C, kif meħtieġ fl-operat tal-Biċċerija.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera sostna li ‘l-Marsa hija mogħnija b’patrimonju storiku industrijali, tant li jagħti karattru lil din il-Belt. Parti mill-programm tar-riġenerazzjoni tal-Marsa żgur li għandu jinkludi fih ir-restawr u l-preservazzjoni ta’ dan il-wirt storiku. Illum iċċellebrajna r-restawr t’aspett importanti ħafna ta' dan il-patrimonju li huwa d-daħla tal-Biċċerija u r-restawr tat-torri tal-ilma li sar b’kollaborazzjoni mad-Direttorat tar-Restawr.’ 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia spjega li dan il-proġett, li jinkludi investiment mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA), għandu sinifikat ambjentali qawwi. Permezz ta’ dan il-proġett se jitnaqqas il-konsum tal-enerġija, u tal-ilma filwaqt li jiġi prodott inqas karbonju u jassigura li r-riżorsi jintużaw b’mod effettiv. “Dawn huma prinċipji importanti fil-battalja tagħna kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima.”

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Clifton Grima faħħar ix-xogħol li qed isir mill-Università ta’ Malta, li mhux biss tħejji lill-istudenti tagħha bl-aqwa mod għad-dinja tax-xogħol, imma wkoll qed tgħin lil diversi setturi u entitajiet billi taqsam magħhom l-għarfien u r-riċerka tagħha. “L-esperjenza vasta tal-Università qed narawha tiġi applikata b’mod tanġibbli f’dan il-proġett, li huwa ta’ importanza industrijali storika. L-Università qed tmexxi inizjattivi li permezz ta’ kollaborazzjoni kemm internazzjonali u lokali, qed tmur ‘lil hinn mill-funzjoni edukattiva tagħha, u tħares ukoll lejn proġetti siewja għall-ġid komuni”, qal il-Ministru Grima.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo tenna li “dan huwa wirt li qed nissalvagwardjaw waqt li inkomplu nippreservawh għall-futur billi qed innaqqsu l-impatt ambjentali tal-operat tiegħu.” Il-Ministru fakkar li l-Biċċerija Pubblika ilha topera mill-istess post sa minn tmiem is-seklu dsatax, u dan jagħmilha unika għaliex hija l-eqdem struttura industrijali li ilha iktar minn 120 sena tintuża għall-istess skop. “Aħna kburin li mhux biss qed nsostnu dan il-wirt kulturali, iżda se nkomplu ntuh l-importanza matul is-sena li ġejja hekk kif fil-Biċċerija se nkunu qed norganizzaw numru ta’ attivitajiet fl-okkażjoni tal-Marsa bħala l-lokalità kulturali 2022.”

Il-Ministru Refalo inawgura wkoll is-sistema ta’ pannelli fotovoltajċi ta’ 250kWp li se tgħin lill-Biċċerija Pubblika biex tnaqqas b’madwar terz il-konsum ta’ enerġija elettrika kkunsmata.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI, MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR, MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U **
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

More Press Releases Right arrow