STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA U L-VOLONTARJAT: Aġenzija Sapport tingħata Marka ta’ Kwalità għas-servizz tagħha Sharing Lives
Aġenzija Sapport irċeviet il-Marka ta’ Kwalità mill-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għas-servizz tagħha Sharing Lives, servizz li permezz tiegħu l-Aġenzija takkomoda u tiffaċilita opportunitajiet ta’ volontarjat.
Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà mmexxi mill-Kummissjoni Ewropea hu inizjattiva li permezz tagħha, żgħażagħ minn pajjiżi differenti jkunu jistgħu jipparteċipaw f’esperjenzi soċjali u ta’ solidarjetà kemm f’pajjiżhom kif ukoll f’pajjiżi oħra.
Permezz ta’ din il-Marka ta’ Kwalità, Aġenzija Sapport issa se jkollha aċċess għal sistema fejn tista’ tippromwovi l-opportunitajiet tagħha ma’ dawn iż-żgħażagħ, u għalhekk iżżid iċ-ċans li tattira parteċipanti minn diversi pajjiżi sabiex jagħmlu esperjenza f’Malta ma’ Aġenzija Sapport, speċjalment mas-servizz Sharing Lives. Li tingħata din il-Marka ta’ Kwalità jfisser li Aġenzija Sapport tkun għaddiet mill-proċess ta’ applikazzjoni u assessjar sabiex ikun assigurat li bħala entità, l-Aġenzija għandha struttura ta’ servizzi ta’ kwalità u li diġà qed taħdem lejn l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà. Din il-Marka ta’ Kwalità ngħatat lill-Aġenzija wkoll fuq kriterji oħra, inkluż is-sistema b’saħħitha ta’ taħriġ u superviżjoni disponibbli kemm għall-impjegati kif ukoll għall-voluntiera, il-kontribut dirett li l-voluntiera għandhom fl-implimentazzjoni tas-servizz, l-esperjenza li l-Aġenzija għandha fit-tmexxija ta’ proġetti tal-Unjoni Ewropea, l-għanijiet ċari u strutturati tal-Aġenzija u struttura ta’ riżorsi u mmaniġġjar f’saħħithom li jassiguraw servizzi sostenibbli.
Din il-Marka ta’ Kwalità hi valida għat-tliet snin li ġejjin u li matulhom, Aġenzija Sapport ser tkun kommessa li twassal numru ta’ attivitajiet kull sena u li tinvolvi numru ta’ parteċipanti mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
Aġenzija Sapport ser tkun tista’ wkoll tapplika għal ko-finanzjament minn programmi oħra tal-Unjoni Ewropea relatati ma’ proġetti soċjali oħra u tifforma kollaborazzjonijiet ġodda ma’ entitajiet oħra fuq livell internazzjonali.
L-għan ta’ Sharing Lives hu li joħloq opportunitajiet fejn voluntiera u persuni b’diżabilità jaqsmu esperjenzi flimkien, u joħloq kuntatt soċjali speċjalment għal dawk il-persuni b’diżabilità fejn is-sapport hu limitat jew mhux eżistenti. Voluntiera jorganizzaw attivitajiet soċjali u jiżviluppaw ħbiberija ma’ persuni b’diżabilità, ikabbru ċ-ċirku ta’ sapport lil persuni b’diżabilità, u tiżdied l-aċċessibilità għal attivitajiet kulturali u ta’ divertiment fil-komunità. Persuni b’diżabilità jattendu dawn l-attivitajiet soċjali u jibnu ħbiberija kemm ma’ persuni oħra b’diżabilità kif ukoll mal-voluntiera u flimkien jaqsmu esperjenzi.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli wriet is-sodisfazzjon tagħha għal dan ir-rikonoxximent li ngħata lil Aġenzija Sapport, filwaqt li rringrazzjat lill-ħaddiema kollha tax-xogħol u d-dedikazzjoni kollha li juru ta’ kuljum mal-persuni b’diżabilità. Il-Ministru saħqet li din il-marka ta’ kwalità trid isservi ta’ motivazzjoni biex inkomplu naħdmu flimkien biex noffru servizzi li jkunu ta’ kwalità u li joffru kwalità ta’ ħajja aħjar lil dawk li l-aktar li huma fil-bżonn.
Għal aktar informazzjoni dwar Sharing Lives u servizzi oħra ta’ Aġenzija Sapport, wieħed jista’ jżur is-sit tal-Aġenzija, www.sapport.gov.mt, u jsegwi l-midja soċjali. Aktar dettalji jinkisbu wkoll mill-Helpline tal-Aġenzija – Freephone 153 (u tagħfas 5) jew permezz ta’ email fuq sharinglives.sapport@gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950