Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-INTRAPRIŻA U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI Investiment ta’ miljun ewro biex tissaħħaħ il-provvista tal-elettriku fil-Baħrija u l-madwar

pr220164
Date Icon 05/02/2022

Mas-670 familja u negozji fil-Baħrija u l-madwar se jkunu qed igawdu minn sistema ġdida ta' provvista tal-elettriku, fi proġett li għandu l-għan li jsaħħaħ l-infrastruttura u jtejjeb il-kwalità tas-servizz lill-klijenti tal-Enemalta.

Dan l-investiment huwa maqsum f'żewġ fażijiet: fl-ewwel fażi, b'investiment ta' €400,000, tpoġġa taħt l-art cable ta' 11KV fuq medda ta' kważi żewġ kilometri. Dan se jieħu post il-linji li bħalissa jinsabu għaddejjin fuq l-arbli. Minħabba li din l-infrastruttura hi esposta għall-elementi tan-natura, ir-residenti kienu qed jesperjenzaw interruzzjonijiet fil-provvista tal-elettriku, speċjalment fit-temp xitwi. Fl-aħħar xhur, l-inġiniera tal-Enemalta wettqu numru ta' studji biex jindirizzaw din il-problema.

Fl-interim, l-Enemalta implimentat diversi miżuri intermedjarji biex kemm jista' jkun jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti tal-lokalità tal-Baħrija.

Fit-tieni fażi ta' dan il-proġett, b'investiment ta' madwar €600,000, l-Enemalta qed timmodernizza numru ta' substations li jissupplixxu l-provvista tal-elettriku lil din il-komunità, inkluż bi tqegħid ta' linji ġodda. Dan se jiżgura aktar stabbilità fil-provvista tal-elettriku għar-residenti u n-negozji tal-Baħrija.

“L-Enemalta hija impenjata li tkompli ssaħħaħ is-sistema ta' distribuzzjoni f'pajjiżna. Dan il-proġett huwa wieħed minn sensiela ta' proġetti li l-Enemalta qed taħdem fuqhom bħalissa bħala parti minn pjan ambizzjuż ta' ħames snin," saħħqet il-Ministru Miriam Dalli.

“Dan l-investiment huwa meħtieġ anke fid-dawl taż-żieda kontinwa fid-domanda għall-elettriku. Biżżejjed jingħad li s-sena li għaddiet, minkejja l-pandemija, iI-ħaddiema tal-Enemalta taw aktar minn 10,200 servizz ġdid lil familji u negozji. Dan huwa kważi d-doppju tas-servizz li kienu ngħataw fl-2013 meta kienu ngħataw ftit aktar minn 5,000 servizz."

Ic-chairman tal-Enemalta l-Inġ. Jonathan Scerri qal li bħalissa qed tingħata spinta lil dawn ix-xogħlijiet li jaffettwaw diversi komunitajiet. Dan qed isir wara analiżi dettaljata li l-inġiniera tal-Enemalta għamlu biex jaraw il-ħtiġijiet tal-grid biex jingħata l-aħjar servizz lill-klijenti tal-Enemalta.

“Dan il-programm ta' xogħlijiet jipprovdi soluzzjonijiet differenti f'lokalitajiet differenti iżda b'għan komuni li tiġi rinfurzata s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Per eżempju, f'Ħad-Dingli tpoġġa low voltage regulator. Fil-Qrendi, matul il-ġimgħa li għaddiet, tbiddlu kilometri ta' wires f'diversi toroq. Xogħol ieħor għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni sar fost oħrajn fis-Siġġiewi, fiż-Żurrieq, f'Ħal Luqa, f'Ħaż-Żebbuġ u l-Mosta. F'lokalitajiet oħrajn bħal Għajnsielem, Wied il-Għajn u l-Kalkara għaddej, jew se jibda, xogħol ta' rinfurzar. Dan minbarra investimenti kapitali oħra li jinkludu substations ġodda u t-tkabbir taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni biex jipprovdu għaż-żieda fid-domanda li l-pajjiż qed ikollu sena wara sena."

Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus qal li l-Baħrija kienet ilha snin mitluqa minkejja li l-komunità tal-Baħrija qed tkompli tikber, u li sal-2013 it-talbiet persistenti tal-kunsill tar-Rabat biex isiru x-xogħlijiet ma kinux jingħataw widen. 

“Sa qabel l-2013, lanqas sistema ta' drenaġġ ma kien hemm. Din saret fl-ewwel leġislatura tal-gvern Laburista, li investa l-miljuni sabiex kull familja tkun imqabbda ma' sistema ta' drenaġġ komuni. L-investiment li qed tagħmel l-Enemalta biex timmodernizza s-sistema infrastrutturali tal-elettriku huwa pass importanti ieħor għar-residenti," qal is-Sur Craus.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-INTRAPRIŻA U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI Investiment ta’ miljun ewro biex tissaħħaħ il-provvista tal-elettriku fil-Baħrija u l-madwar
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-INTRAPRIŻA U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI Investiment ta’ miljun ewro biex tissaħħaħ il-provvista tal-elettriku fil-Baħrija u l-madwar
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-INTRAPRIŻA U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI Investiment ta’ miljun ewro biex tissaħħaħ il-provvista tal-elettriku fil-Baħrija u l-madwar
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow