STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Malta u Spanja jiddiskutu sfidi komuni għaż-żewġ pajjiżi Mediterranji membri fl-Unjoni Ewropea
Malta u Spanja kellhom taħditiet dwar sfidi komuni bħala żewġ pajjiżi mill-Mediterran u membri tal-Unjoni Ewropea. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin, l-Unjoni Ewropea u l-Koperazzjoni ta' Spanja, José Manuel Albares, f'laqgħa f'Madrid, affermaw mill-ġdid ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti bejn Malta u Spanja u qasmu kliem ta' apprezzament għax-xogħol u għall-koperazzjoni matul il-pandemija tal-Covid-19. Iż-żewġ ministri kellhom taħditiet dwar l-immigrazzjoni, il-klima, l-enerġija u l-futur tal-Unjoni Ewropea. Ġie diskuss ukoll il-potenzjal li jeżisti biex tkompli tikber ir-relazzjoni bejn iż-żewg pajjiżi permezz ta' xogħol li qed isir f'oqsma tal-kultura, tal-arti, tal-edukazzjoni, tat-turiżmu u tal-internazzjonalizzazzjoni ta' intrapriżi Spanjoli f'Malta u viċe versa. Il-Ministru Albares ġie mistieden għal żjara uffiċjali f'Malta mill-Ministru Bartolo.
Il-laqgħa bejn iż-żewġ ministri saret waqt ġurnata ta' ħidma organizzata mill-Ambaxxata ta' Malta fi Spanja f'Madrid b'żewg avvenimenti li ffukaw fuq ir-reġjun tal-Amerika Latina u l-Karibew u intrapriżi Spanjoli interessati f'Malta, rispettivament. Dan seħħ b'kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, flimkien mal-Malta Enterprise, l-Awtorità tat-Turiżmu f'Malta kif ukoll bl-appoġġ tar-rivista Spanjola Diplomatica Exclusive.
Id-delegazzjoni Maltija kienet immexxija mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo li kien akkompanjat mis-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar.
L-Amerika Latina u l-Karibew
Ir-reġjun tal-Amerika Latina u l-Karibew huwa wieħed b'potenzjal kbir u b'rabtiet importanti mal-Ewropa. L-Istrateġija l-ġdida tal-Politika Barranija ta' Malta tagħraf dan bil-għan identifikat għat-tkabbir fir-relazzjonijiet bejn Malta u dan ir-reġjun. Il-pajjiżi ta' dan ir-reġjun għandhom preżenza diplomatika qawwija f'Madrid, għal raġunijiet storiċi kif ukoll ta' rabta kummerċjali u kulturali, u għalhekk, il-belt toffri pjattaforma sabiex tikkumplimenta din il-ħidma. Għaldaqstant, l-ambaxxata, taħt id-direzzjoni tal-Ambaxxatur ta' Malta fi Spanja, Daniel Azzopardi, sejħet laqgħa għall-ambaxxaturi tal-pajjiżi ta' dan ir-reġjun, taħt it-tema, 'Skopri Malta: punt ta' nkontru fl-Unjoni Ewropea u l-Mediterran'.
Kummerċ
L-ambaxxata Maltija f'Madrid ingħaqdet mal-Kamra tal-Kummerċ ta' Madrid għal avveniment fejn ġew mistiedna intrapriżi bbażati fi Spanja u li huma interessati f'Malta. Il-laqgħa saret fis-sit prestiġjuż Palacio Santoña u attendew mas-70 intrapriża b'mod fiżiku u diversi oħrajn b'mod virtwali. Matul il-laqgħa, kien hemm diversi kelliema mid-delegazzjoni Maltija kif ukoll minn 3 kumpaniji Spanjoli li joperaw f'Malta.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950