STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Iffirmat MoU dwar l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC)
Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar l-iffirmar ta’ ftehim ġdid mal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji u mar-rappreżentanti tal-Kamra tal-Ispiżjara, dwar l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek.
L-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek jew kif inhi magħrufa, POYC, ilha fis-seħħ 14-il sena, b’numru ta’ klijenti li jagħmlu użu minnha dejjem jiżdied tant li llum ilaħħaq mal-150,000 klijent regolari, b’223 spiżerija fil-komunità msieħba fil-POYC. Dawn l-ispiżeriji bejniethom iqassmu mal-€34 miljun f’mediċini fis-sena.
“Is-suċċess tal-POYC huwa evidenti u fl-aħħar snin is-suċċess kiber, filwaqt li l-problema tal-mediċini out of stock ġiet solvuta. Dan huwa frott l-impenn tad-Dipartiment tal-POYC innifsu u s-CPSU, iżda wkoll tal-impenn tal-ispiżjara fl-ispiżeriji fil-komunità,” qal id-deputat prim ministru.
Is-servizz aġġornat tal-POYC se jara lill-ispiżjara jagħmlu review tal-pazjenti li qegħdin fis-sistema ta’ POYC sabiex b’mod uffiċjali jsegwu kif ikun qed jimxi t-trattament. Dan il-ftehim il-ġdid ifisser ukoll li l-ispiżeriji li jkun imisshom jiftħu fil-Ħdud u fil-festi pubbliċi jiftħu wkoll waranofsinhar (mill-16.00 sas-19.00).
Ikomplu jonqsu l-miżuri restrittivi
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-deputat prim ministru qal li fid-dawl li 78% tal-adulti residenti Malta u Għawdex tlaqqmu bil-booster, u 40% tat-tfal ta’ bejn il-5 u l-11-il sena ħadu mqar l-ewwel doża tal-vaċċin, se jkomplu jonqsu l-miżuri restrittivi sabiex sal-aħħar tar-rebbiegħa jkunu tneħħew il-maġġoranza kbira tal-miżuri restrittivi.
Spjega li peress li n-numru ta’ każijiet fil-komunità qed jistabbilizza ruħu u l-każijiet fl-Isptar Mater Dei u fl-ITU huma maniġibbli, minn nhar it-Tnejn 7 ta’ Frar, se jkunu estiżi l-ħinijiet ta’ viżitaturi ta’ Mater Dei matul in-nofstanhar ta’ filgħodu. Minn nhar it-Tnejn ukoll, il-miżura restrittiva li f’dar residenzjali m’għandux ikun hemm iżjed minn 4 households se titneħħa.
Mill-14 ta’ Frar 2022, persuni li jaslu f’pajjiżna b’permess ta’ xogħol approvat “in principle” li jipprovdu residenza fissa u li huma fil-pussess ta’ ċertifikat validu tal-vaċċin, jistgħu japplikaw biex jagħmlu l-kwarantina marbuta mal-ivjaġġar fir-residenza msemmija, minflok fil-quarantine hotel skont l-istandards ippubblikati. Dan filwaqt li mill-istess jum, il-kwarantina marbuta ma’ vjaġġar għal dawk il-persuni li jaslu minn pajjiżi fil-lista l-ħamra skura u li jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċin validu, se tinżel minn 14-il ġurnata għal 10 ijiem.
Id-deputat prim ministru ħabbar ukoll li minn nhar it-Tnejn, se jibdew ikunu rikonoxxuti ċ-ċertifikati tal-vaċċin maħruġa mill-Jordan u mill-Maldivi.
Id-Deputat Prim Ministru Fearne sostna li jekk il-previżjonijiet jibqgħu l-istess, mill-21 ta’ Frar 2022, il-kwarantina għall-primary contacts, iġifieri għall-persuni li jkunu f’kuntatt ma’ persuna pożittiva u li ma jgħixux fl-istess residenza mal-każ pożittiv, u li jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċin validu, se tinżel minn sebat ijiem għal ħamest ijiem bi swab test fl-aħħar jum li jirriżulta fin-negattiv. Dan japplika wkoll għat-tfal ta’ bejn il-5 u l-11-sena li għandhom ċertifikat tal-vaċċin, u li bħalissa jistgħu jibbenefikaw mill-kwarantina ridotta ta’ 7 ijiem bi swab test negattiv. Huwa fisser li eventwalment, il-kwarantina tal-kuntatti primarji se tinqata’, madanakollu dan isir fi żmien opportun.
Dwar it-tiġijiet, Chris Fearne spjega li mill-1 ta’ April 2022, jekk koppja tagħżel li tistieden persuni li huma fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċin validu, it-tieġ jista’ jsir għal 300 persuna bilwieqfa jew 500 persuna bilqiegħda. Dan filwaqt li l-avvenimenti bilwieqfa huma stmati li jerġgħu jkunu permessi lejn it-tieni nofs ta’ April 2022.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950