Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Imnedija l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’Malta s-sena d-dieħla

pr220142
Date Icon 01/02/2022

Waqt ċerimonja li saret fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, tnedew il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’Malta bejn it-28 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla. Din hija t-tielet darba li Malta qiegħda tospita dawn il-logħob mill-bidu tagħhom fl-1985.

Din hija okkażjoni oħra li permezz tagħha qed ngħollu l-profil ta’ pajjiżna fid-dinja tal-isport, meta għal dawn il-logħob se jkun hawn Malta ’l fuq minn 1,200 parteċipant u uffiċjal mill-istati żgħar Ewropej, jikkompetu f’għadd ta’ dixxiplini sportivi fosthom atletika, basketball, judo, rugby 7’s, ibburdjar, sparar, squash, għawm, table tennis u tennis.

“Il-gvern huwa kburi mhux biss għaliex avveniment sportiv prestiġjuż se jsir f’pajjiżna, imma wkoll għaliex din hija t-tielet darba li dawn il-logħob qed isiru f’Malta,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima. Huwa qal li, “Il-gvern huwa kburi li qed jagħti l-appoġġ kollu lil dan is-settur, mhux l-inqas lil dawn il-logħob. Investejna kemm fl-infrastruttura sportiva, li qed ngħolluha għal livell internazzjonali, imma għall-ewwel darba investejna wkoll fir-riżorsi umani”.

Il-Ministru Grima kien qed jirreferi għal €5 miljun li għaddew lil SportMalta biex fost oħrajn ikun faċilitat it-taħriġ tal-atleti u l-ingaġġ ta’ coaches professjonali. “Inħares lejn dawn il-logħob bħala opportunità għall-isportivi Maltin, imma wkoll għal-laqgħat li se jkolli mal-ministri responsabbli mill-isport tal-pajjiżi parteċipanti, biex inkattru l-ħidma tagħna għall-ġid tal-isport Malti u Ewropew,” qal il-Ministru Grima.

Matul iċ-ċerimonja xxandar messaġġ tal-Prim Ministru u kienu intervistati diversi personalitajiet marbuta ma’ dawn il-logħob.

Julian Pace Bonello, President tal-Kumitat Olimpiku Malti, qal, “Il-Kumitat Olimpiku Malti ilu jaħdem mill-qrib mal-federazzjonijiet kollha involuti biex jitkattar kemm l-appoġġ kif ukoll biex il-preparazzjonijiet neċessarji jimxu tajjeb, kif fil-fatt qed isir. Għandna tama li dawn il-logħob se jagħmlu lil pajjiżna kburi, kemm għall-organizzazzjoni tagħhom, imma fuq kollox għaliex se jkunu katalist li jkabbar l-interess u jkunu ta’ spirazzjoni għall-atleti futuri biex jibqgħu jaħdmu għall-ħolma sportiva tagħhom”.

Minn kemm ilhom isiru l-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar, l-atleti Maltin kisbu 331 medalja. Fiż-żewġ edizzjonijiet li saru f’pajjiżna, l-atleti kisbu 32 medalja fl-1993 u 44 medalja fl-2003.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta qal li, “Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport, il-Kumitat Olimpiku Malti u Sport Malta qed jaħdmu b’sinerġija kbira bejniethom għal dan l-avveniment sportiv. Il-Kumitat Organizzattiv, esperti fis-settur sportiv u wkoll esperti f’oqsma relatati se jiżguraw li dawn il-logħob ikunu suċċess. Fix-xhur li ġejjin se jkun involut ukoll il-pubbliku b’mod ġenerali sabiex il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar ikunu avveniment mhux biss għall-isportivi u l-uffiċjali involuti, imma tkun esperjenza li tgawdi minnha s-soċjetà kollha kemm hi”.

Min-naħa tiegħu, Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil tkellem dwar l-opportunitajiet li qed jingħataw l-isportivi, mhux biss fl-isport, imma wkoll permezz tal-investiment kbir li qed isir biex l-infrastruttura sportiva f’pajjiżna tkun riġenerata u tingħata livell internazzjonali. “SportMalta għaddejja b’diversi proġetti li fl-aħħar mill-aħħar mhux biss se jgawdu minnhom l-isportivi, imma wkoll il-pubbliku kollu kemm hu,” qal is-Sur Busuttil.

Iċ-ċerimonja se tintwera fuq TVM News+ nhar il-Ħamis 3 ta’ Frar, fid-20:45p.m.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Imnedija l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’Malta s-sena d-dieħla
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Imnedija l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’Malta s-sena d-dieħla
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow