Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata l-Binja 1903 b’investiment ta’ nofs miljun ewro

pr220130
Date Icon 29/01/2022

Il-binja magħrufa bħala l-Binja 1903 fil-Marsa ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima wara li kienet irrestawrata kompletament b'investiment ta' nofs miljun ewro minn SportMalta.

“Qed nagħmlu riġenerazzjoni qawwija fil-faċilitajiet sportivi u b'hekk il-Marsa se tkun ċentru tal-aqwa livell għal dawk kollha li mhux biss jipprattikaw l-isport, imma għal dawk li jsegwu l-isport bħala spettaturi. Il-Kumpless Sportiv tal-Marsa u l-madwar tiegħu qed jinbidlu f'hub sportiv ta' livell internazzjonali", qal il-Ministru Grima waqt l-inawgurazzjoni.

Il-ministru qal ukoll li l-ħidma tal-ministeru fil-qasam sportiv tmur lil hinn mit-titjib tal-faċilitajiet diretti sportivi, u llum qed naraw l-inawgurazzjoni ta' binja li minn stat dilapidat, ġiet irrestawrata b'mod estensiv biex mhux biss tkun preservata parti mill-istorja tagħna, imma wkoll biex tintuża għall-benefiċċju tal-isport.

Il-proġett kien jinkorpora r-restawr tal-istrutturi kollha tal-binja storika, li kienet inbniet mill-Ingliżi fl-1903 u kellha l-funzjoni ta' clubhouse għall-uffiċjali tas-servizzi Inglizi li kienu jagħmlu użu mill-faċilitajiet sportivi tal-Marsa.

Matul iż-żmien, filwaqt li l-binja qdiet funzjonijiet differenti, il-kundizzjoni tagħha bdiet tiddeterjora tant li kienet iddikkjarata bħala perikoluża. SportMalta ingaġġat periti esperti li analizzaw il-kundizzjoni tal-binja, il-ħsara, kif ukoll ippreparaw method statements biex isir ir-restawr skont metodi adattati għall-istruttura.

Fost ix-xogħol li sar, kien hemm partijiet estensivi mill-portico li tħattew kompletament biex setgħu jerġgħu jinbnew, saru travi ġodda, u twaħħlu aperturi godda tal-injam maħdumin skont id-disinn originali. Kif jitlesta l-finishing intern tal-binja, din tibda tintuża għall-komunità sportiva.

Fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa għaddejjin proġetti b'investiment massiċċ li se jsaħħu l-parteċipazzjoni tal-isportivi tagħna f'ambjent xieraq. Fost ix-xogħol li għaddej hemm il-bini ta' ċentru ġdid tal-ġinnastika, li se jinkorpora fih ċentru għall-isquash, ċentru għall-weightlifting, fitness gym u courts tan-netball, kif ukoll ix-xogħol estensiv fuq it-trakka tal-atletika, li permezz tiegħu l-livell tat-trakka se jkun ta' livell internazzjonali.

Il-Ministru Clifton Grima rringrazzja lil dawk kollha involuti mhux biss fil-proġett tal-Binja 1903, imma fil-proġetti kollha li għaddejjin f'dan il-hub sportiv. Huwa rringrazzja lil SportMalta għall-ħidma, dedikazzjoni u impenn tagħha f'dan is-settur.

Luciano Busuttil, iċ-Chairmain ta' SportMalta, qal li hija l-missjoni ta' SportMalta li tgħolli l-livell tal-isport, mhux biss permezz tal-opportunitajiet li qed jingħataw lill-isportivi, imma bit-tijib tal-infrastruttura sportiva.

Mark Cutajar, il-Kap Eżekuttiv ta' SportMalta, filwaqt li ta d-dettalji tal-proġett, qal li l-ħidma li għaddejja bħalissa fuq erba' żoni se jagħmlu mill-Marsa hub sportiv tal-aqwa kwalità u ta' livell internazzjonali.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata l-Binja 1903 b’investiment ta’ nofs miljun ewro
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata l-Binja 1903 b’investiment ta’ nofs miljun ewro
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata l-Binja 1903 b’investiment ta’ nofs miljun ewro
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow