Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR Għaddej xogħol estensiv biex il-Ġnien ta’ Sant’Anton jirritorna għas-sbuħija oriġinali tiegħu

pr220120
Date Icon 28/01/2022

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia ħabbar xogħol estensiv ta’ restawr fil-Ġnien ta’ Sant’Anton. Permezz ta’ dan il-proġett immexxi mill-ministeru, u li fuqu qed isir xogħol mill-GreenServ u minn Ambjent Malta, se jkunu qed jitranġaw ħsarat strutturali fuq ħitan tal-konfini, pavimentar u karatteristiċi storiċi oħra bħal funtani u bankijiet, xogħlijiet li se jagħmlu dan il-ġnien storiku aktar sigur għall-familji biex ikunu jistgħu jgawdu dan il-post.

Il-ġnien, li jagħmel parti mill-Palazz ta’ Sant’Anton, kien ġie estiż mill-Gran Mastru Antoine De Paule fl-1623. Maż-żmien, il-ġnien ġarrab diversi ħsarat u kien għalhekk li tnieda dan il-proġett.

Il-Ministru Farrugia semma li dan il-ġnien li bħalissa jitgawda mill-familji u anke mit-turisti, kellu bżonn ta’ intervent immedjat. Fil-fatt, ix-xogħlijiet mill-GreenServ diġà bdew u kif wieħed jista’ jara x-xogħol fuq il-ħitan imwaqqgħin biswit l-entratura kważi tlesta. Huwa qal li bħalissa għaddejja ħidma biex jinġiebu l-permessi meħtieġa biex tkun tista’ toħroġ sejħa għal offerti iktar tard din is-sena.

Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca spjega li l-interventi li se jsiru minn GreenServ ħa jikkumplimentaw il-karattru storiku u kulturali ta’ dan il-ġnien. Dawn ix-xogħlijiet se jkunu qed jikkonsistu f’riċerka u fi stħarriġ dettaljat tal-ġnien, informazzjoni dwar l-interventi strutturali li jridu jsiru, sejħiet għal offerti u l-implimentazzjoni.

Id-Direttur Ġenerali ta’ Ambjent Malta Herman Galea qal li minn Ottubru tas-sena li għaddiet, Ambjent Malta wettqet diversi xogħlijiet fil-Ġonna ta’ Sant’Anton u sal-lum investiet €175,885 fuq il-bini mill-ġdid ta’ żewġ sezzjonijiet tal-ħajt li kienu ġġarrfu, ħejjiet xogħlijiet tal-elettriku, sar titjib fil-bankijiet tal-ġebel u wettqet xogħlijiet ta’ restawr fuq il-ġebel, filwaqt li installat u rrestawrat bankijiet u bins tal-injam. Barra minn hekk, wettqet ukoll interventi fuq l-istrutturi tal-ħadid li jinsabu mad-dawra tal-funtani. 

Il-landscaping tal-Ġonna ta’ Sant’Anton bħalissa qed isir permezz ta’ ftehim mal-Environmental Landscaping Consortium. 

Kienu bosta l-mistednin distinti li matul is-snin żaru dan il-palazz u gawdew dan il-ġnien. Huwa għalhekk li llum wieħed jista’ jsib numru ta’ siġar antiki u ta’ speċi rari li kienu tħawlu bħala tifkira ta’ żjarathom.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR Għaddej xogħol estensiv biex il-Ġnien ta’ Sant’Anton jirritorna għas-sbuħija oriġinali tiegħu
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

More Press Releases Right arrow