Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR Ftehim bejn l-MCAST u l-ERA se jwassal għal aktar kollaborazzjoni favur l-ambjent

pr220117
Date Icon 27/01/2022

Ftehim iffirmat bejn il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) u l-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi (ERA) se jwassal biex ikun hemm aktar kollaborazzjoni bejn din l-entità u l-istituzzjoni edukattiva favur l-ambjent b'mod ġenerali.

Il-ftehim ġie ffirmat mill-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST il-Professur Joachim James Calleja u l-Kap Eżekuttiv tal-ERA l-Perit Michelle Piccinino. L-iffirmar tal-ftehim kien ippresedut mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima u mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.

“L-istituzzjonijiet edukattivi tagħna qed ikomplu jmorru lil hinn mill-funzjoni primarja tagħhom, dik li jwasslu edukazzjoni tal-aqwa kwalità lill-istudenti, u qed jaħdmu id f'id mal-entitajiet tal-pajjiż biex insaħħu diversi setturi, f'dan il-każ, l-ambjent. Dan huwa ftehim importanti għaliex se jwassal għal kollaborazzjoni li mhux biss issaħħaħ l-iżvilupp tal-MCAST u l-ERA, imma wkoll se tikkontribwixxi għal ħidma f'wieħed mis-setturi li l-gvern qed jagħtih ħafna importanza, l-ambjent", stqarr il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima.

Permezz ta' dan il-ftehim, l-MCAST u l-ERA se jaħdmu flimkien permezz ta' stħarriġ, studji, audits u wkoll promozzjoni ta' riċerka marbutin mal-ambjent u r-riżorsi naturali ta' pajjiżna. Il-ftehim se jwassal ukoll biex informazzjoni u wkoll linji ta' gwida dwar l-ambjent u r-riżorsi naturali titwassal lill-pubbliku b'mod ġenerali kemm bħala għarfien u wkoll biex il-pubbliku jkun dejjem aktar edukat dwar dan is-settur tant importanti għall-pajjiż.

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal li, “L-ambjent illum qiegħed fuq nett tal-aġenda tal-gvern u ta' ħafna nies f'dan il-pajjiż. L-iktar ħaġa importanti għalina hija li mhux biss nilħqu l-ambizzjonijiet tal-poplu tagħna, iżda li nassiguraw li l-azzjoni tagħna tkun dejjiema u li tassigura l-involviment ta' ħafna nies, b'mod speċjali taż-żgħażagħ.  L-involviment taż-żgħażagħ joffri l-akbar tama biex nindirizzaw l-isfidi li għandna quddiemna, b'mod speċjali fil-qasam ambjentali. Biex politika tkun tassew sostenibbli u tħares 'il quddiem trid toffri edukazzjoni fuq is-suġġett, iżda trid tkun segwita b'azzjoni konkreta."

Permezz tal-ftehim se jkun hemm koordinazzjoni bejn l-MCAST u l-ERA biex ikun massimizzat il-potenzjal li dawn għandhom, fost oħrajn f'dawk li huma riżorsi, riċerka, għarfien u esperjenza fl-ambjnet u r-riżorsi naturali ta' pajjiżna.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ERA Michelle Piccinino qalet li, “Dan il-ftehim huwa opportunità biex flimkien, insawru valuri ambjentali mhux biss fl-istudenti u ż-żagħżagħ tagħna, imma anka fl-industrja. Opportunità biex l-istudenti nfushom ikunu jistgħu jikbru fl-esperjenza ambjentali tagħhom bi proġetti tanġibbli li eventwalment jibdew jiġu implimentati fil-ħidma tagħhom ta' kuljum fid-dinja tax-xogħol. Dan il-ftehim huwa pass ieħor għall-ERA fid-direzzjoni tal-viżjoni ambjentali li għażlu in-nies stess – l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent – Wellbeing First".

Min-naħa tiegħu l-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja, qal li, “L-MCAST qed jaħdem mal-istudenti biex inrawmu ħiliet u valuri fl-istudenti tagħna għal kuxjenza ambjentali aħjar u l-immaniġġjar tar-riżorsi. Aħna impenjati li niffukaw fuq l-iżvilupp sostenibbli u nippreparaw l-istudenti għad-dinja tax-xogħol fejn jitlaħqu l-għanijiet ambjentali. B'dan il-ftehim, se nkomplu nsaħħu t-taħriġ u r-riċerka dwar l-ambjent tal-baħar, it-tibdil fil-klima, it-tniġġis tal-arja, l-immaniġġjar tar-riżorsi tal-ilma, il-bijodiversità, u oqsma ambjentali oħra".

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR Ftehim bejn l-MCAST u l-ERA se jwassal għal aktar kollaborazzjoni favur l-ambjent
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR Ftehim bejn l-MCAST u l-ERA se jwassal għal aktar kollaborazzjoni favur l-ambjent
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR Ftehim bejn l-MCAST u l-ERA se jwassal għal aktar kollaborazzjoni favur l-ambjent
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

More Press Releases Right arrow