Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT: Jum Internazzjonali tal-Edukazzjoni – ‘Nibdlu r-rotta, Nittrasformaw l-Edukazzjoni’

pr220089
Date Icon 24/01/2022

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Edukazzjoni, il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima għamel żjara fl-Iskola Primarja Ġużè Pace fil-Ħamrun, sabiex isegwi mill-qrib l-andament tal-proġett EduAI.

L-għan ewlieni tal-proġett EduAI huwa li joħloq u jxerred l-intelliġenza artifiċjali (IA) permezz ta’ proġetti edukattivi fost it-tfal ta’ bejn 8 u 10 snin. Il-proġett qiegħed juri bil-provi li l-IA fl-edukazzjoni tista’ titħaddem u minnha jistgħu jibbenifikaw l-edukaturi, it-tfal u l-ġenituri tagħhom. 

“L-edukazzjoni diġitali u l-użu tal-inteliġenza artifiċjali fl-edukazzjoni hija importanti għaliex hija parti mill-edukazzjoni sħiħa li rridu nippromwovu fl-iskejjel u l-entitajiet edukattivi tagħna,” qal il-Ministru Grima.

Dan il-proġett qed iwassal għal għarfien aħjar tas-sehem tal-IA fl-edukazzjoni. Fil-proġett it-tagħlim tal-ħiliet bażiċi u l-litteriżmu jitlaqqgħu mal-ħiliet innovattivi li jintużaw fl-IA u fit-tagħlim tal-magni (Machine Learning). Fil-programm ‘Gost il-Qari/The Pleasure of Reading’ tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, l-edukaturi u t-tfal qed jużaw pupazzi mgħammra bl-IA biex jagħtu l-ħajja lil stejjer li jkunu qraw flimkien mal-għalliema fil-klassi. Permezz tat-tagħlim li jieħdu l-magni, u l-apps li jaqraw it-testi u jirrikonoxxu t-taħdit, il-parteċipanti tal-proġett qegħdin jieħdu sehem f’attivitajiet u logħob bil-lingwa u tal-litteriżmu.

It-tema li għażlet il-Ġnus Magħquda din is-sena, 2022, għall-Jum Internazzjonali tal-Edukazzjoni hija ‘Nibdlu r-Rotta, Nittrasformaw l-Edukazzjoni’. Intgħażlet din it-tema biex tissaħħaħ u tieħu spinta l-edukazzjoni wara l-isfidi li għadda minnhom dan is-settur minn mindu faqqgħet il-pandemija li wasslu biex l-attivitajiet kollha, inkluż dawk edukattivi, jieħdu xeħta oħra.

Il-Ministru Grima rrefera għall-proġett EduAI bħala eżempju tajjeb ta’ kif l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija nbidlu f’opportunità. Dan għaliex iż-żmien tal-pandemija ntuża biex grupp ta’ edukaturi tħarrġu kif jinqdew bl-IA biex jissaħħaħ il-litteriżmu u t-tagħlim tal-ħiliet bażiċi jkun aktar relevanti u effettiv. Dan jinkwadra tajjeb fil-viżjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport għas-settur edukattiv, li jkollna edukazzjoni li tindirizza l-isfidi li ġġib magħha d-dinja globalizzata b’modi li jiġbdu u jimmotivaw lill-istudenti skont ix-xeħtiet personali tagħhom u mhux b’mod wieħed li jkollu joqgħod għalih kulħadd. Jekk irridu tassew edukazzjoni sħiħa, fit-tagħlim tal-ħiliet bażiċi, fosthom il-litteriżmu, irridu napplikaw mezzi innovattivi.

‘Gost il-Qari/The Pleasure of Reading’ huwa programm ta’ qari għall-gost tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fi ħdan il-Ministeru. L-għan tiegħu huwa li jkattar in-namra għall-kotba u l-qari li jagħti gost. Jieħdu sehem fih tfal ta’ bejn seba’ snin u ħdax-il sena li jkunu fl-aħħar erba’ snin tal-primarja. Fis-sessjonijiet jinqraw stejjer b’mod interattiv u divertenti li jħajjar lit-tfal jimmaġinaw u jxettel il-ħiliet kritiċi tagħhom. Fl-2021 ħadu sehem f’dan il-programm mal-2,500 tifel u tifla.

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu l-Professur Charles Mifsud qal li sa issa fil-proġett EduAI pparteċipaw 36 student u 15-il edukatur, u saru wkoll 10 sessjonijiet ta’ taħriġ. Dan il-proġett qed isir bi sħab bejn iċ-Ċentru tal-Litteriżmu tal-Università ta’ Malta u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, u huwa ffinanzjat mill-Awtorità Maltija tal-Innovazzjoni Diġitali.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT: Jum Internazzjonali tal-Edukazzjoni – ‘Nibdlu r-rotta, Nittrasformaw l-Edukazzjoni’
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT: Jum Internazzjonali tal-Edukazzjoni – ‘Nibdlu r-rotta, Nittrasformaw l-Edukazzjoni’
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT: Jum Internazzjonali tal-Edukazzjoni – ‘Nibdlu r-rotta, Nittrasformaw l-Edukazzjoni’
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

More Press Releases Right arrow