Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA U L-INDUSTRIJA Investiment ta' €12-il miljun fi spazju industrijali ġdid għal negozji żgħar u medji f'Ħal Far

pr220088
Date Icon 24/01/2022

B'investiment ta' €12-il miljun, se jsir investiment f'faċilità ġdida għal negozji żgħar u medji, ħabbar il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, li spjega kif l-investiment se jkun qed jindirizza sfida li tant ilhom jaffaċċjaw għadd ta' negozji, jiġifieri l-isfida ta' nuqqas ta' spazju minn fejn joperaw.

“Fuq medda art ta' 14,000 metru kwadru, permezz ta' Indis Malta se tkun qed tinbena faċilità ġdida fuq tliet livelli. Din hija opportunità li turi biċ-ċar kif dan il-gvern qed ikompli jisma' u jindirizza t-talbiet għal aktar spazju industrijali għal negozji żgħar u medji", spjega l-Ministru Schembri. 

Żied jgħid li għal snin twal, is-sit identifikat kien mitluq u jintuża biss b'mod illegali għal rimi ta' skart li kien jikkawża spiża kbira għal Indis Malta li kienet kull darba toqgħod tnaddaf wara l-abbuż irresponsabbli. “Għaldaqstant ittieħdet id-deċiżjoni li dan is-sit jitnaddaf u jingħalaq fl-istess waqt li identifikajna opportunità fi sfida, dik li jingħata spazju għal negozji żgħar u medji'. Żied jgħid li dan l-investiment jagħmel parti mill-programm infrastrutturali ta' investiment industrijali ta' €470 miljun.

Ix-xogħlijiet fuq is-sit se jkunu finalizzati fl-ewwel kwart tal-2024 u t-tender għax-xogħlijiet ta' kostruzzjoni se joħroġ ix-xahar id-dieħel. Diġà ħarġet is-sejħa pubblika għat-tindif u għat-tħaffir tas-sit u se jsir titjib fl-infrastruttura tat-triq sabiex tittejjeb l-aċċessibbiltà.


Negozji li jikkwalifikaw għall-ispazju jista' jkollhom taqsima dedikata għall-operat tagħhom u oħra li tospita l-aspett amministrattiv tan-negozju minħabba l-mod kif is-sit qed jinbena, f'forma ta mazzanine, li joħloq spazju li bażikament jilħaq il-bżonnijiet tan-negozji.

Waqt il-konferenza li saret fis-sit identifikat, ġie spjegat li:

  • Fil-pjan terran se jkunu qed jinbnew 22 unit li bejniethom se joħolqu madwar 5,800 metru kwadru ta' spazju industrijali ġdid
  • Tmien units oħra li se jinbnew fil-livelli ta' fuq se joħolqu madwar 4,200 metru kwadru ieħor
  • Filwaqt li se jkun hemm livell ieħor taħt l-art fuq medda ta' 6,800 metru kwadru, li jintuża bħala garaxx bi spazju għal madwar 140 karozza

“Dan ifisser li se jkun qed jinħoloq 30 unit ġdid li lkoll se jkunu qed imorru għal negozji żgħar u medji li se jkunu qed jaħdmu minn hawnhekk bħala komunità jew cluster fejn jistgħu anke joffru servizzi kumplimentari għal xulxin," qal il-Ministru Schembri.

Il-ministru semma li fil-każ ta' din il-faċilità, fejn is-soltu l-ewwel tiġi mirċieva t-talba tal-investitur imbagħad tinbena skont dik it-talba, f'dan il-każ qed tinbena l-faċilità l-ewwel b'mod li jkun hemm il-proprjetà industrijali mibnija lesta u li tkun tista' tiġi allokata mal-ewwel. Għaldaqstant INDIS Malta se tibda tirċievi l-applikazzjonijiet mingħand negozji żgħar u medji sabiex tiskatta l-proċess ta' allokazzjoni ta' dawn il-units.

Il-Ministru Schembri spjega li l-kriterji ewlenin li se nkunu qed inħarsu lejhom f'sens ta' eliġibilità huma li fil-pjanijiet preżentati, in-negozji għandu pjan li joħloq impjiegi ġodda, li l-attività tagħhom hija ta' benefiċċju għall-ekonomija u li l-ħidma ssir ġo żoni industrijali.

Il-ministru tenna li l-gvern ħadem bis-sħiħ biex jappoġġa lin-negozji matul il-pandemija iżda l-ħidma mhux se tieqaf hawn u l-gvern se jkompli jappoġġa lin-negozji biex jara li jkomplu jifjorixxu.

“In-negozji żgħar u medji jammontaw għal 99% tal-attività ekonomika ta' Malta u mhux biss qed nappoġġaw negozji diġà eżistenti li jridu jespandu l-operat tagħhom, iżda wkoll lil dawk li jridu jibdew negozju iżda ma kellhomx l-għodda f'idejhom meħtieġa biex jagħmlu dan," qal il-Ministru Silvio Schembri.

Iċ-Chairman ta' Indis Jean Pierre Attard spjega li, “Din il-faċilità qed issegwi l-prassi li INDIS Malta adattat f'dawn l-aħħar snin, minflok ma nfetħu fil-wesgħa sabiex nilqgħu għat-talba kbira li għandna, il-faċilitajiet ġodda fejn hu possibbli qed jinbnew fuq għadd ta' livelli. B'dan il-mod, qed nagħmlu użu dejjem iktar effiċjenti tal-ispazju industrijali li għandna u fl-istess waqt innaqqsu l-impatt ambjentali tagħna".

L-applikazzjoni tista' titniżżel minn fuq www.indismalta.com.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA U L-INDUSTRIJA Investiment ta' €12-il miljun fi spazju industrijali ġdid għal negozji żgħar u medji f'Ħal Far
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA U L-INDUSTRIJA Investiment ta' €12-il miljun fi spazju industrijali ġdid għal negozji żgħar u medji f'Ħal Far
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA U L-INDUSTRIJA Investiment ta' €12-il miljun fi spazju industrijali ġdid għal negozji żgħar u medji f'Ħal Far
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA U L-INDUSTRIJA Investiment ta' €12-il miljun fi spazju industrijali ġdid għal negozji żgħar u medji f'Ħal Far
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA U L-INDUSTRIJA Investiment ta' €12-il miljun fi spazju industrijali ġdid għal negozji żgħar u medji f'Ħal Far
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow