STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Kummerċ agrikolu u negozjati ma’ pajjiżi terzi
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo pparteċipa fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri fi Brussell, fejn ġie diskuss il-kummerċ agrikolu u n-negozjati ma’ pajjiżi terzi. Dawn id-diskussjonijiet huma ta’ benefiċċju għal katina tal-ikel aktar reżiljenti u sostenibbli. Il-Ministru Anton Refalo enfasizza li prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għall-istess kriterji u standards bħal dawk fl-Unjoni Ewropea, sabiex nissalvagwardjaw il-kompetittività tal-produtturi Għawdxin u Maltin.
F’din l-ewwel laqgħa ministerjali, il-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ppreżentat il-prijoritajiet tagħha f’dan is-settur. Fost id-diskussjonijiet issemmiet ukoll is-sitwazzjoni tas-suq, li għadu qed jaffaċċja l-effetti li qed tħalli l-pandemija tal-COVID-19. L-instabbiltà fis-swieq internazzjonali tal-ikel flimkien mad-diffikultajiet fl-industrija tal-loġistika u t-trasport qed jikkawżaw firxa wiesgħa ta’ konsegwenzi għal pajjiżi żgħar bħal Malta li jiddependu fuq l-importazzjoni. Il-Ministru Anton Refalo enfasizza li ż-żieda sinifikanti fil-prezzijiet tal-ġwież tirrikjedi għajnuna diretta addizzjonali permezz ta’ pjan ħolistiku li joffri għajnuna lir-raħħala biex jilqgħu għall-inflazzjoni.
Waqt il-laqgħa ġiet diskussa wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar iċ-Ċikli Sostenibbli tal-Karbonju bħala mudell ta’ negozju ekoloġiku fl-agrikoltura. L-għan ta’ din il-komunikazzjoni huwa mhux biss li jiġu kkumpensati l-emissjonijiet, iżda wkoll li tiġi restawrata ħamrija degredata, tittejjeb il-produzzjoni tar-raba’ u tiżdied l-attività mikro-organika tal-ħamrija. Malta saħqet fuq il-bżonn li din il-prattika ssir aktar vijabbli u sostenibbli, filwaqt li jinħoloq bilanċ sabiex jiġu evitati diskriminazzjonijiet, inugwaljanzi u nuqqasijiet fil-bażi tal-għarfien fis-settur.
Other Press Releases:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951