Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET Malta tara influss stabbli ta' digital nomads

pr220072
Date Icon 19/01/2022

Malta, bħal pajjiżi oħra Ewropej, qed tara żieda ta' digital nomads, hekk kif ir-remote working qed isir dejjem aktar popolari fid-dawl tal-pandemija. Hekk kif min iħaddem qiegħed jirrikonoxxi l-vantaġġi, il-valur u l-produttività tar-remote working, individwi li jinteressahom jaħdmu barra minn pajjiżhom qed iħarsu lil hinn mill-fruntieri tagħhom biex jgħaqqdu x-xogħol, l-ivvjaġġar u d-divertiment f'dik li tissejjaħ workaction.

Malta għarfet din l-opportunità u f'Ġunju tal-2021 ingħaqdet ma' pajjiżi oħra tal-UE biex toffri permess ta' residenza temporanja lid-digital nomads bit-tnedija tan-Nomad Residence Permit.

F'Malta diġà teżisti komunità stabbilita ta' digital nomads li ġejjin minn pajjiżi tal-UE. Dawn l-individwi ma għandhomx bżonn permessi peress li jgawdu l-libertà ta' moviment madwar ix-Schengen. Il-permess ta' Residenza Malta issa jestendi din il-possibbiltà ta' remote working minn Malta wkoll għal ċittadini ta' pajjiżi terzi.

Sal-lum, Residenza Malta rċeviet 180 applikazzjoni, medja ta' waħda kull jum tax-xogħol. L-Aġenzija rċeviet ukoll numru kbir ta' rikjesti għal informazzjoni, li hija tittama li jissarrfu f'applikazzjonijiet fi stadju aktar tard, meta r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar jittaffew u s-sitwazzjoni tal-COVID titjieb.

Il-maġġoranza tal-applikanti ġejjin mir-Renju Unit u l-Istati Uniti. L-applikanti għandhom età medja ta' 37 sena u huma fil-biċċa l-kbira rġiel. Il-maġġoranza tal-applikanti huma impjegati u jaħdmu għal rashom, segwiti minn freelancers. Is-setturi popolari huma l-IT, il-management u l-marketing, iżda setturi oħra huma rrappreżentati wkoll, bl-element komuni jkun li x-xogħol jista' jsir minn distanza.

“Bi dħul medju ta' €60,000 u applikanti li għandhom edukazzjoni terzjarja, Malta qed tattira applikanti ta' kwalità li kapaċi jikkontribwixxu għall-ekonomija lokali", qal Charles Mizzi, il-Kap Eżekuttiv ta' Residenza Malta.

“Il-gvern dejjem kien pront biex jagħraf u jifhem tendenzi globali", qal is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat. “In-nies qed iħaddnu mod ġdid ta' kif jaħdmu, u Malta riedet tieħu din l-opportunità biex tilqa' digital nomads minn pajjiżi terzi."

“Din l-inizjattiva teħtieġ sforz relattivament żgħir mill-gvern filwaqt li l-pajjiż jiggwadanja mill-istil ta' ħajja ta' dawn l-individwi meta jikru appartamenti jew jużaw AirBnBs, meta jużaw trasport pubbliku u taxis, jieklu u jixorbu, jonfqu l-flus fuq divertiment u ristoranti u jesploraw siti ta' kultura. Fl-istess ħin, il-pajjiż qed jattira ideat, ħiliet u talenti ġodda. Id-digital nomads għandhom reputazzjoni li huma wkoll intraprendituri u avventurużi filwaqt li lesti li jniedu l-ideat tagħhom fi swieq ġodda."

“L-istorja tagħna għadha qed tiżvolġi u ladarba l-pandemija tispiċċa, in-numri jistgħu biss jikbru. Fl-istess ħin qed infittxu residenti ta' kwalità. Aħna ċerti wkoll li l-applikanti rreġistrati formalment tagħna huma biss parti mill-istorja u li digital nomads f'Malta hawn ħafna aktar", kompla s-segretarju parlamentari.

Dwar in-Nomad Residence Permit

Biex ikunu eliġibbli, l-applikanti iridu ikunu individwi minn pajjiżi terzi bi dħul ta' EUR2,700 fix-xahar. Huma jridu jkunu jaħdmu għal kumpanija rreġistrata barra l-pajjiż, iwettqu attivitajiet ta' negozju għal kumpanija rreġistrata barra (eż. sieħeb jew azzjonist), jew joffru servizzi freelance jew ta' konsulenza lil klijenti barra minn Malta.

Barra minn hekk, l-applikanti għandu jkollhom dokument validu tal-ivvjaġġar u kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Għandhom ukoll jipprovdu indirizz f'Malta u jgħaddu minn proċess ta' verifikazzjoni.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET Malta tara influss stabbli ta' digital nomads
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET Malta tara influss stabbli ta' digital nomads
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT  Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta

PR261952

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

More Press Releases Right arrow