STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U L-GOVERNANZA Aktar persuni se jibbenefikaw mill-għajnuna legali bla ħlas fil-kamp ċivili
Imħabbra l-ewwel riforma fil-qasam tal-ġustizzja għal din is-sena, hekk kif il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis ta dettalji dwar ir-reviżjoni li saret biex aktar persuni bi dħul baxx ikunu eliġibbli għas-servizz tal-għajnuna legali bla ħlas. Waqt konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li biex persuna tkun eliġibbli għal servizz ta' Avukat tal-Għajnuna Legali trid tkun taqla' inqas minn €13,000 fis-sena.
Il-Ministru Zammit Lewis spjega li l-liġi dwar il-valur nett tal-eliġibilità għall-Għajnuna Legali, “li ġiet aġġornata madwar erba' deċennji ilu, ma kinitx qed tilħaq daqstant nies minħabba illi l-valur nett finanzjarju tal-persuna jaqbeż il-limitu stipulat fil-liġi, dak ta' €7,000 fis-sena. Dan mhuwiex jirrifletti l-ispejjeż li ċ-ċittadini għandhom illum il-ġurnata u allura mhux ser ikunu kapaċi jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja minħabba li ma jistgħux iqabbdu Avukat Privat. Il-liġi issa ser tagħti l-possibilità li persuna li tapplika tgħaddi mit-test tal-mezzi aktar raġjonevoli, li jirrifletti l-għoli tal-ħajja attwali. Għalhekk, il-valur nett sabiex persuna tkun eliġibbli għall-għajnuna ser jiġi aġġornat għal €13,000."
Saħaq li permezz ta' din ir-riforma fis-servizz tal-Għajnuna Legali ipprovdut mill-Aġenzija għall-Għajnuna Legali qed jintlaħqu iktar ċittadini vulnerabbli bi dħul finanzjarju baxx u li għandhom kull dritt li jkunu assistiti bl-għajnuna legali kif titlob il-liġi.
“Dak li ħabbarna llum ikompli juri kemm dan il-gvern lest li jgħin l-istituzzjonijiet tagħna jilħqu l-għanijiet tagħhom. Permezz ta' dan, il-vulnerabbli fis-soċjetà tagħna ser ikomplu jkollhom aktar għodda sabiex jiddefendu lilhom infushom u d-drittijiet tagħhom. Dan huwa il-gvern tal-minoranzi u qiegħed dejjem ikompli juri dan b'aktar riformi għal ġustizzja aktar aċċessibbli", temm jgħid il-Ministru Zammit Lewis.
Ir-riforma se tidħol fis-seħħ wara li tgħaddi mill-proċess parlamentari.
Matul l-istess konferneza tħabbar ukoll avvanz ieħor fit-teknoloġija għas-servizzi tal-għajnuna legali, l-applikazzjoni ġdida msejħa Legal Aid Referral System (LARS).
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Aġenzija Legali Bruno Zahra spjega li t-teknologija hija pilastru importanti fis-servizzi provduti mill-Aġenzija tal-Għajnuna Legali. Huwa qal li, “matul dawn l-aħħar snin, saru avvanzi teknoloġiċi fis-servizzi mogħtija mill-Għajnuna Legali fosthom; l-Avukati tal-Aġenzija saru jiġu infurmati permezz ta' email dwar l-assenjazzjoni tagħhom b'digriet tal-Qorti, kif ukoll jiġu provduti bid-dokumenti tal-klijenti li jkunu ġew assenjati lilhom. Invista ta' dan id-digriet, eventwalment l-Aġenzija tinforma lill-klijenti tagħha permezz ta' SMS bid-dettalji tal-Avukat u l-Prokuratur Legali li jkun ġie assenjat li ser ikun qed jassistihom fil-każ li fuqu tkun saret l-applikazzjoni. Avvanz ieħor li sar huwa l-użu tal-video conferencing bejn klijenti li huma miżmuma l-ħabs u l-Avukat residenti fl-Aġenzija".
Spjega wkoll li permezz ta' din l-applikazzjoni diġitali, l-Aġenzija se tkun qed tilħaq aktar nies fis-soċjetà. Dinhi għodda li permezz tagħha persuna ser tkun tista' turi x-xewqa li tibbenefika mis-servizzi tal-għajnuna legali billi tapplika bl-E-ID. Din is-sistema fil-qasam tal-għajnuna legali tista' timtela' kemm mill-individwu stess li jixtieq jibbenefika mill-għajnuna legali kif ukoll tista' tintuża minn entitajiet governattivi u għaqdiet mhux governattivi sabiex jirreferu persuni għall-għajnuna legali.
Other Press Releases:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951