STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Malta tadotta l-Istrateġija ta’ Speċjalizzazzjoni fil-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni sas-sena 2027
Il-Gvern Malti adotta Strateġija ġdida ta' Speċjaliżazzjoni biex jaġġorna u jimmodernizza l-qafas nazzjonali tar-Riċerka u l-Innovazzjoni f'konformità mal-impenn li f'pajjiżna tkompli tiġi kkultivata ekosistema b'saħħitha ta' riċerka u innovazzjoni, għall-benefiċċju tal-iżvilupp ekonomiku nazzjonali, ir-riċerkaturi nfushom u l-partijiet ikkonċernati kollha. L-istrateġija se tiffaċilita wkoll l-aċċess għall-finanzjament tal-Unjoni Ewropea għar-riċerka u l-innovazzjoni f'setturi ekonomiċi magħżula.
F'diskors li għamel fit-tnedija ta' din l-istrateġija ġdida, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici qal li l-istrateġija se tiżgura aċċess għall-fondi meħtieġa biex tissaħħaħ ir-riċerka fis-sitt oqsma tematiċi identifikati u tiggarantixxi l-kontinwità tal-investimenti meħtieġa matul is-snin kollha tal-istrateġija.
Huwa qal li l-gvern huwa kommess li jimmobilizza l-isforzi meħtieġa fil-livelli kollha biex l-istrateġija tkun implimentata b'mod effettiv. Saħaq ukoll li governanza b'saħħitha hija partikolarment kruċjali għas-suċċess u l-implimentazzjoni tal-istrateġija.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffery Pullicino Orlando qal li l-innovazzjoni hija waħda mill-aħjar metodi biex titkabbar l-ekonomija u li bil-metodu mmirat tal-istrateġija, pajjiżna se jkun jista' jimmira l-investiment lejn l-oqsma fejn hemm l-iktar opportunità li nirnexxu.
L-Istrateġija ta' Speċjalizzazzjoni identifikat sitt oqsma ta' speċjalizzazzjoni b'potenzjal għal aktar attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni għall-perjodu li jasal sas-sena 2027. Dawn huma:
- Is-Saħħa u l-Benesseri
- L-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi għall-Mitigazzjoni u l-Adattament tat-Tibdil fil-Klima
- Il-Manifattura Intelliġenti
- It-Teknoloġija tal-Baħar u Marittima
- L-Avjazzjoni u t-Teknoloġija Aerospazjali u
- It-Teknoloġiji Diġitali tal-Futur
L-Istrateġija ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti hija konformi wkoll mal-viżjoni tal-gvern għal wara l-pandemija, li għamlet referenza espliċita għall-ħtieġa li aktar riżorsi tal-gvern, politika u kollaborazzjoni tal-industrija jkunu ddedikati għall-innovazzjoni sabiex ikomplu jixprunaw l-ispinta ekonomika tal-pajjiż.
Din l-istrateġija qed titmexxa mill-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni bl-appoġġ tekniku tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.
Other Press Releases:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951