STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA U L-INDUSTRIJA Fond ta' €125,000 għal proġetti ta' riċerka fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali
Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrja Silvio Schembri nieda l-Fond għal Riċerka dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
“Għal dan il-fond qed nallokaw €125,000 u permezz tiegħu qed inħeġġu lil kull min hu interessat f'dan is-settur sabiex jersaq 'il quddiem bi proġetti ta' riċerka li permezz tagħhom ikun qed japplika l-Intelliġenza Artifiċjali u joħloq sistemi ġodda li jistgħu jintużaw mill-pubbliku u mill-privat, u li se jtejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u l-interazzjoni taċ-ċittadini. Il-massimu li wieħed jista' jibbenefika hija somma ta' €25,000. Li twettaq idea innovattiva abbażi tal-Intelliġenza Artifiċjali ġġib magħha ċertu spejjeż u din hija opportunità biex dan il-fond ikopri dawn il-piżijiet, minn ħlas ta' pagi ta' nies involuti fil-proġett sa xiri jew kiri ta' apparat ieħor meħtieġ", qal il-Ministru Schembri.
Ġie spjegat kif din l-inizjattiva timxi pari passu mal-Istrateġija Nazzjonali tal-Intelliġenza Artifiċjali għaliex tolqot diversi għanijiet tagħha kif ukoll numru ta' azzjonijiet li huma stabbiliti fiha.
Il-Ministru Schembri spjega li se tingħata prijorita lil dawk il-proposti jew proġetti li fil-kunċett u n-natura tagħhom javvanzaw il-progress ta' proġetti li huma msemmija fl-istess strateġija, inklużi s-sitt proġetti pilota li jvarjaw minn edukazzjoni għal servizz lill-konsumatur.
Il-kriterji għal dawk eliġibbli għal dan il-fond huma li:
- L-applikant jistà jkun istituzzjoni edukattiva li tiffoka fuq ir-riċerka.
- L-applikant jistà wkoll jingħaqad ma' entità privata sabiex ikun hemm kollaborazzjoni bejn l-akkademja u l-industrija.
“B'din l-iskema qed inkomplu nkabbru l-fondi li hemm disponibbli sabiex pajjiżna jkompli jkun pijunier fil-qasam diġitali. Kulħadd jaf li d-dipendenza fuq it-teknoloġija hija fenomenu li qed ikun esperjenzat madwar id-dinja kollha. Għaldaqstant, bħala gvern, qed nagħtu l-għodda meħtieġa sabiex inkomplu ninċentivaw l-innovazzjoni f'dan l-aspett. Iżjed minn hekk, qed nagħtu lok li wieħed jikkollabora u jsaħħaħ l-idea tiegħu ma' kollaboraturi oħrajn", qal Silvio Schembri.
“L-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali hija impenjata sabiex iżżomm lil Malta fuq quddiem nett f'dak li għandu x'jaqsam mar-regolamenti tal-Intelliġenza Artifiċjali, u b'hekk tipproteġi l-integrità tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumatur skont id-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li tassigura li l-Intelliġenza Artifiċjali ma tkunx maħnuqa bir-regolamenti. Sabiex Malta tkabbar ir-riżultati ta' riċerka fuq din it-teknoloġija, l-MDIA qed tniedi wkoll skema ffukata fuq ir-riċerka applikata tal-Intelliġenza Artifiċjali", qal Joshua Ellul, ic-Chairperson tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali
Biex wieħed japplika għandu jidħol fuq is-sit www.mdia.gov.mt/ai-research u hemm isib l-informazzjoni kollha meħtieġa. Il-formola tal-applikazzjoni għandha tintbagħat fuq l-email info@mdia.gov.mt. L-ewwel data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet tal-proposti hija l-31 ta' Marzu 2022.
Other Press Releases:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951