STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Verifika ta' kwistjonijiet relatati mal-konċessjoni mogħtija lil Vitals Global Healthcare Ltd mill-gvern: it-tieni parti | Reviżjoni tal-qafas kuntrattwali
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ġie mitlub mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex jivverifika l-konċessjoni mogħtija mill-gvern lil Vitals Global Healthcare Ltd (VGH) b'rabta mal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, mal-Isptar San Luqa u mal-Isptar ta' Riabilitazzjoni Karin Grech. Ta' min ifakkar li fl-ewwel parti tal-verifika, ippubblikata f'Lulju tal-2020, l-NAO ħares lejn il-proċess ta' akkwist li wassal għall-għotja tal-konċessjoni lil VGH. Din il-parti tal-verifika tħares lejn in-negozjati li wasslu għad-dħul fil-konċessjoni, il-qafas kuntrattwali u l-implimentazzjoni tiegħu sat-trasferiment lil Steward Health Care. It-tielet parti, li għad trid tiġi indirizzata, tittratta t-trasferiment lil Steward Health Care.
L-NAO huwa mħasseb dwar il-proċess ta' negozjar bejn il-gvern u l-VGH, liema proċess baqa' mistur minħabba n-nuqqas ta' dokumentazzjoni miżmuma u perspettivi konfliġġenti ta' dawk involuti. In-nuqqas ta' viżibilità kattar l-inkwiet tal-NAO fl-isfond tat-tibdil jew żidiet fil-kuntratti li biddlu n-natura tal-konċessjoni, biddlu l-livell ta' riskju miżmum mill-partijiet, jew ħallew impatt fuq elementi operattivi u finanzjarji, kif ukoll fuq il-profitabbiltà tal-proġett meta mqabbel ma' dak mitlub fit-talba għal proposti (RfP). Iktar gravi kien in-nuqqas tar-rappreżentanti tal-gvern milli jitħaddtu ma' partijiet li kellhom interess kritiku fil-proġett. Dan wassal biex il-konċessjoni falliet milli tilħaq l-għanijiet tagħha, kemm fit-titjib tal-infrastruttura tas-saħħa u kemm fil-klassifikazzjoni tal-konċessjoni, bin-nefqa kapitali ta' VGH fuq il-proġett reġistrat fuq il-kotba tal-gvern.
Id-dikotomija li tikkaratterizza dan il-proġett, bid-Diviżjoni tal-Enerġija fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa, tieħu ħsieb l-investiment kapitali u d-Diviżjoni tas-Saħħa fi ħdan l-istess ministeru inkarigata bit-tmexxija operattiva, ħolqot kuntest ideali biex VGH tisfrutta d-dgħufijiet tal-gvern. Din wasslet għal konċessjoni li ma setgħetx titwettaq, li baqgħet sfida impossibbli u sitwazzjoni irriparabbli għall-gvern, li d-dgħufija amministrattiva u politika tiegħu ġiet sfruttata b'mod faċli minn VGH.
L-ebda mill-miri tal-konċessjoni ma ntlaħqet fil-perjodu li fih il-konċessjoni kienet taħt il-kontroll tal-VGH. In-nuqqas ta' ħila tal-VGH li tassigura finanzjament kien il-qofol tal-fallimenti kollha sussegwenti ta' din il-konċessjoni min-naħa tal-gvern. Il-wegħdiet kollha tal-VGH dwar it-titjib mistenni fl-infrastruttura u s-servizzi ma setgħux jintlaħqu minħabba dan in-nuqqas. L-approvazzjoni tal-gvern tad-difetti evidenti tal-VGH weriet nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-gvern. F'dan il-każ, ir-rappreżentanti tal-gvern, minn wara dahar il-kabinett, approvaw diversi waivers għall-bżonn li jingħata l-finanzjament, u b'hekk komplew isostnu l-falliment li din il-konċessjoni ġiet tirrappreżenta.
Tħassib ieħor tal-NAO huwa dwar il-qafas kuntrattwali li kellu jirregola l-konċessjoni. Kien hemm differenzi kbar bejn dak mistqarr fl-RfP u dak miktub fis-Services Concession Agreement u emendi sussegwenti, li biddlu sostanzjalment il-kontroll tal-gvern fuq it-tlestija tax-xogħlijet tal-konċessjoni. Il-bidliet li saru b'mod konsistenti kienu biss fl-interess tal-VGH, bil-gvern imqiegħed f'pożizzjoni fejn kien impossibbli biex iżomm lill-konċessjonarju responsabbli għal dak li kellu jwettaq.
Għalkemm il-gvern fassal is-servizzi tas-saħħa li kellhom jiġu pprovduti mill-konċessjoni permezz tal-Health Services Delivery Agreement, dawn malajr inbidlu. It-tibdiliet kienu konsistentament negattivi għall-gvern, bi tnaqqis sinjifikanti fis-servizzi li kellhom jiġu pprovduti mill-VGH mingħajr ebda bidla fil-kumpens dovut u żieda fin-numru ta' sodod garantiti għall-użu mill-gvern flimkien ma' żieda korrispondenti fl-ammont pagabbli lil VGH.
Il-Labour Supply Agreement stipula li l-impjegati tal-gvern li kienu se jiġu mislufa lil VGH taħt dan il-ftehim kellhom ikomplu jibbenefikaw mill-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-uffiċjali pubbliċi. Madanakollu, evidenti għall-NAO fil-verifika tiegħu ta' dan il-ftehim kien in-nuqqas ta' tħejjija min-naħa tal-gvern għal din il-konċessjoni. L-aktar li deher dan in-nuqqas kien fir-rigward tad-diskrepanza bejn ir-riżorsi allokati lil VGH mill-gvern u l-ħlas li kellu jiġi rkuprat. Id-diskrepanza li nħolqot tħallset minn fondi pubbliċi.
L-NAO wasal għall-fehma li l-ebda valutazzjoni tas-siti ma saret mill-gvern qabel it-trasferiment tagħhom permezz tal-Emphyteutical Deed. L-NAO huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' qbil bejn il-perjodu tal-konċessjoni ta' 30 sena u t-titolu potenzjali ta' 99 sena mogħti fuq is-siti u jekk il-gvern hux se jilħaq il-benefiċċji ekonomiċi previsti permezz ta' użu kontinwu għat-turiżmu mediku.
Konrad Mizzi ma laqax id-diversi talbiet għal-laqgħat li sarulu mill-NAO. Il-gravità ta' dan in-nuqqas kien evidenti fir-rapport tal-NAO minħabba l-irwol ċentrali li kellu Mizzi f'din il-konċessjoni. In-nuqqas tiegħu li jattendi għad-diversi talbiet li saru mill-NAO kien meqjus bħala falliment serju f'dak li għandu x'jaqsam mal-livell ta' responsabbiltà mistenni minn eks ministru tal-gvern u f'dak li għandu x'jaqsam mal-istandard ta' governanza tajba li kellu jikkaratterizza proġett materjali u importanti għas-servizzi tas-saħħa nazzjonali daqskemm kien dan.
Ir-rapport sħiħ u l-verżjoni mqassra jistgħu jiġu aċċessati billi wieħed iżur il-websajt tal-NAO www.nao.gov.mt jew permezz tal-midja soċjali tiegħu http://www.facebook.com/NAOMalta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955