STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U L-INDAFA PUBBLIKA: Imħabbra r-Rebbieħa ta’ Premju Servizz bi Tbissima 2021
L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ħabbret ir-rebbieħa tas-sitt edizzjoni ta’ Premju Servizz bi Tbissima waqt ċerimonja ta’ premjazzjoni.
Din is-sena ġew innominati ‘l fuq minn 1,000 bejjiegħ u kumpanija differenti fl-erba’ kategoriji. L-aqwa ħamsa f’kull kategorija ġew eżaminati mill-qrib mill-Bord ta’ Premju Servizz bi Tbissima biex l-ewwel ġie żgurat li l-voti li waslu kienu validi u skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, u wkoll biex ġie vverifikat li n-negozjanti nominati mxew mal-kodiċi ta’ kondotta tal-premju.
Waqt id-diskors tiegħu, s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista spjega li permezz ta’ inizjattivi bħal dawn il-bejjiegħa u l-kumpaniji li jiffukaw l-operat tagħhom fuq li jagħtu l-aqwa servizz lill-konsumaturi tagħhom jispikkaw minn fost il-kompetituri tagħhom. Semma wkoll li sena wara l-oħra, il-premju kiseb aktar parteċipazzjoni mill-pubbliku ġenerali, kif jidher miż-żieda fil-voti meta mqabbla mal-edizzjoni preċedenti.
Fl-indirizz tagħha, iċ-Chairperson tal-MCCAA Helga Pizzuto tkellmet dwar in-numru ta’ sfidi li affaċċjat l-awtorità waqt il-pandemija u kif din iffukat l-enerġija tagħha fuq l-assistenza għall-konsumaturi u l-bejjiegħa.
L-edizzjoni ta’ din is-sena kienet tinkludi erba’ kategoriji u l-votazzjoni mill-pubbliku saret bejn it-23 ta’ Lulju u l-20 ta’ Awwissu 2021.
Ir-rebbieħa minn kull kategorija kienu dawn:
Il-kategorija ta' Prodotti Elettroniċi u Affarijiet għad-Dar intrebħet minn Top Choice.
It-tieni post: SCAN
It-tielet post: Forestals
Il-kategorija ta' Bejjiegħa Lokali Onlajn intrebħet minn hairhaven.mt.
It-tieni post: directvision.com.mt
It-tielet post: maltashopper.com
Il-kategorija Moda u Sbuħija intrebħet minn Hair Haven.
It-tieni post: Kiabi
It-tielet post: Inglot
Il-kategorija Supermarkets u Mini Markets intrebħet minn Maypole.
It-tieni post: Pavi-Pama Supermarket
It-tielet post: Park Towers Supermarket (Welbee's)
Other Press Releases:
PR261956
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...
PR261955en