STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD, L-IKEL U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Dokument ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) għal Malta 2023-202
€167 miljun f'investimenti fis-settur tal-agrikoltura
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi nedew dokument ta' konsultazzjoni pubblika relatat mal-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) għal Malta għas-snin 2023-2027. Dan id-dokument ta' konsultazzjoni huwa parti minn sensiela ta' dokumenti pubbliċi fuq il-proposti ta' Malta sabiex ikunu investiti l-allokazzjoni rekord ta €2.27 biljun ta' fondi tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2021-2027.
Il-Ministru Anton Refalo spjega kif “bħala Ministru responsabbli mill-agrikoltura rrappreżentajt l-interessi tal-bdiewa Maltin u Għawdxin waqt in-negozjati tal-Politika Agrarja Komuni (PAK) għas-snin li ġejjin. Matul dawn in-negozjati, aħna rajna li l-interessi ta' Malta u Għawdex ikunu salvagwardati. Kienu negozjati diffiċli ħafna pero' rnexxilna nerġgħu nżommu d-deroga tal-Voluntary Coupled Support.''
Il-Ministru Anton Refalo temm billi spjega kif “Nemmen bis-sħiħ illi l-bdiewa jridu jkunu mgħejjuna finanzjarjament sabiex jibqgħu kompetittivi fis-suq Ewropew."
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi tkellem dwar it-tnedija ta' dan id-dokument ta' konsultazzjoni pubblika fejn indika li l-baġit totali miġjub mill-PAK għas-snin 2023-2027, flimkien mal-ko-finanzjmanent lokali, huwa ta' madwar €167 miljun (eskluża Assistenza Teknika). Dan il-Pjan Strateġiku ser ikopri t-territorju sħiħ tal-Gżejjer Maltin u jkompli jibni fuq appoġġ offrut permezz ta' miżuri tal-PAK, ta' pagamenti diretti u ta' skemi, kif ukoll mill-inqas 10% tan-nefqa ser tmur lejn inizjattivi f'dan il-qasam fil-Gżira Għawdxija. Huwa spjega kif il-Pjan Strateġiku tal-PAK ser jipprovdi fondi u appoġġ mill-2023 sa tmiem l-2027 u kif dan ġie mħejji wara sensiela ta' laqgħat, ġbir ta' informazzjoni rilevanti għas-settur u diskussjonijiet mal-partijiet interessati u mal-entitajiet tal-Gvern, laqgħat li ilhom isiru sa mill-2019 u li huma konformi mal Politika Agrikola Maltija 2018.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi spjega wkoll kif il-Pjan Strateġiku tal-PAK huwa konformi mal-Politika Ewropea u mar-Regolamenti Ewropej f'dan is-settur taħt dan il-perjodu u kif ser jindirizza it-tliet objettivi ġenerali mfassla f'dan il-qafas regolatorju.
L-ewwel objettiv ġenerali, b'allokazzjoni indikattiva ta' €67 miljun, huwa mfassal sabiex iħaddan settur agrikolu li jkun intelliġenti, kompettitiv, reżiljenti u diversifikat sabiex jiżgura sigurtà tal-ikel fit-tul.
Madwar €75 miljun oħra ġew allokati lejn it-tieni objettiv, li għandu l-mira li jappoġġja u jsaħħaħ l-protezzjoni ambjentali li tinkludi biodiversità u azzjoni dwar il-klima. Dan l-objettiv huwa mmirat ukoll li jinktribwixxi lejn l-għanjiet tal-Unjoni relatati mal-bidla fil-klima, inklużi l-isforzi mfassla taħt il-Qbil ta' Pariġi.
It-tielet objettiv, b'baġit indikattiv ta' €25 miljun, huwa mmirat li jsaħħaħ in-nisġa soċjo-ekonomika taż-żoni rurali.
Il-Pjan Strateġiku tal-PAK huwa primarjament iffinanzjat permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).
Il-pubbliku ġenerali u l-partijiet interessati huma mħeġġa jieħdu sehem f'dan il-proċess ta' konsultazzjoni billi jibgħatu l-kummenti u s-suġġerimenti tagħhom fuq l-email consultationcapsp@gov.mt jew permezz ta' ittra indirizzata lid-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Istrateġija u l-Implimentazzjoni, Sezzjoni tal-Fondi tal-UE, House of Catalunya, Triq Marsamxett, Il-Belt Valletta, VLT 1850 sa mhux aktar tard mill-10 ta' Diċembru 2021.
Informazzjoni oħra tista tinkiseb mis-sit www.eufunds.gov.mt
Other Press Releases:
PR261956
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...
PR261955en