STQARRIJA MILL-KUMITAT FESTI NAZZJONALI Jum it-Tifkira, il-Ħadd, 14 ta’ Novembru, 2021
Jum it-Tifkira, li huwa ċċelebrat fil-pajjiżi kollha tal-Commonwealth,b'ġieħ il-vittmi kollha taż-żewġ gwerer dinjija, se jkun imfakkar f'Malta mill-Kumitat Festi Nazzjonali, permezz ta' Festivals Malta, nhar il-Ħadd, 14 ta' Novembru, 2021.
Għall-okkażjoni se ssir quddiesa konċelebrata fil-Konkatidral ta' San Ġwann fil-Belt Valletta. Din se tkun immexxija mill-Arċisqof ta' Malta Charles Jude Scicluna. Il-quddiesa tibda fid-9.30 ta' filgħodu u din is-sena se tiġi mxandra b'mod dirett fuq TVM.
Qabel il-quddiesa, il-President ta' Malta jispezzjona l-Gwardja tal-Unur mill-Forzi Armati ta' Malta u tieħu sehem ukoll il-Banda tal-Forzi Armati.
Wara, fil-10.40 ta' filgħodu ssir ċerimonja ta' tifkira ħdejn il-Monument tal-Gwerra fil-Furjana. Matul din iċ-ċerimonja jitqiegħdu kuruni mal-Monument tal-Gwerra mill-ogħla awtoritajiet nazzjonali u persuni distinti. Din is-sena dawk li se jpoġġu kuruna ġew limitati biex fi kwalunkwe ħin inkunu konformi mal-miżuri li qed jittieħdu fis-sitwazzjoni preżenti.
Il-Forzi Armati ta' Malta u Kontinġent mill-Korp tal-Pulizija se jiffurmaw flimkien Gwardja tal-Unur għal matul iċ-Ċerimonja tat-Tqegħid ta' Kuruni.
Minħabba ċ-ċirkostanzi preżenti l-kontinġenti tal-Forzi Armati u tal-Pulizija se jkunu ridotti għal numru minimu – l-istess se tkun il-banda tal-Forzi Armati – u se jipparteċipaw l-ex-servicemen li lkoll huma vaċċinati u se josservaw il-miżuri rakkomandati. Dawk l-għaqdiet l-oħra li s-soltu kienu jakkumpanjaw il-kontinġenti tal-ex-servicemen din is-sena qed jintalbu ma jiħdux sehem.
Il-Kumitat Festi Nazzjonali jħeġġeġ lill-pubbliku inġenerali jagħmel bħal pajjizi oħra tal-Commonwealth u jfakkar il-vittmi b'mod remot b'rispett u osservanza għal dawk li ssagrifikaw ħajjithom matul iż-żewġ gwerer dinjija.
L-appell tradizzjonali ta' Jum it-Tifkira mill-Poppy Day Appeal Fund bħala għajnuna lil dawk il-Maltin li kienu fis-servizzi u lid-dipendenti tagħhom isir fl-istess perjodu taż-żmien.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958