STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT: Il-President jirċievi l-kredenzjali diplomatiċi mingħand kapijiet ġodda ta’ missjonijiet diplomatiċi
Tliet kapijiet ġodda ta’ missjonijiet diplomatiċi ppreżentaw il-kredenzjali diplomatiċi tagħhom lill-President ta’ Malta, George Vella.
L-Ambaxxatur tar-Renju tal-Belġju Pierre Emmanuel De Bauw kien l-ewwel wieħed li ppreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu. L-Ambaxxatur De Bauw irrefera għar-relazzjonijiet eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi, mhux biss fil-livell bilaterali iżda wkoll f’dak multilaterali. Issemmiet b’mod partikolari l-kooperazzjoni fi ħdan il-qafas tan-Nazzjonijiet Magħquda, u fi kwistjonijiet marittimi. Min-naħa tiegħu, il-President Vella tkellem dwar l-interessi u t-tħassib komuni tal-pajjiżi fir-rigward tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi viċin tagħha fin-Nofsinhar u l-Lvant. Il-valuri u l-ideali komuni jinsabu fil-qalba tal-kooperazzjoni fi kwistjonijiet tal-UE, b’mod partikolari t-tkabbir u l-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Unjoni Ewropea. Il-President Vella esprima l-apprezzament tiegħu għall-assistenza pprovduta mill-Belġju fir-rilokazzjoni ta’ migranti li żbarkaw f’Malta.
Imbagħad kien imiss lill-Kummissarju Għoli tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan Tahir Hussain Andrabi li ppreżenta l-Ittri ta’ Kummissjoni. Il-President Vella qal li Malta tibqa’ ħerqana li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mal-Pakistan, li ilhom għal żmien twil. Ir-relazzjonijiet issaħħew iktar b’mod speċjali permezz tal-pjattaformi tal-Commonwealth u tal-ASEM (il-Laqgħa bejn l-Asja u l-Ewropa). Il-President Vella staqsa dwar l-aħħar żviluppi fl-Afganistan u x’effett għandhom dawn fuq il-Pakistan, b’mod partikolari fir-rigward tar-refuġjati. Il-Kummissarju Għoli Andrabi tkellem dwar l-intenzjonijiet tiegħu li jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn il-Pakistan u Malta, fejn semma b’mod partikolari l-qasam kummerċjali. Huwa rrefera għat-tkabbir ekonomiku li kellhom iż-żewġ pajjiżi f’dan ir-rigward.
It-tielet persuna li ppreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha kienet l-Ambaxxatriċi tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu Michèle Pranchère-Tomassini. Il-President Vella osserva li r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Lussemburgu, li ilhom għal żmien twil u li żviluppaw b’suċċess matul is-snin. Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, Malta tixtieq tara iktar konverġenza u kooperazzjoni fil-kwistjoni tal-migrazzjoni. F’dan ir-rigward il-President Vella enfasizza l-apprezzament ta’ Malta għall-appoġġ dirett tal-Lussemburgu, mill-2018, fir-rilokazzjoni ta’ migranti li jaslu f’Malta. Malta tinsab imħassba bil-pressjoni tal-migrazzjoni mir-rotta tal-Mediterran Ċentrali, biż-żieda sinifikanti fl-iżbarki fl-2020 u matul din is-sena.
Matul ikla ta’ nofsinhar mal-kapijiet tal-missjoni l-ġodda, il-President George Vella ħeġġiġhom biex ilkoll ikomplu jesploraw il-ħafna possibbiltajiet li toffri Malta.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958