STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA: Verifika ta’ Effettività: ‘Smart and RF meters’ contribution to more accurate and timely utilities billing’
L-Awditur Ġenerali Charles Deguara ppreżenta r-rapport ta’ verifika ta’ effettività fuq is-suġġett hawn fuq imsemmi lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia. B’investiment ta’ €131 miljun fuq perjodu ta’ 12-il sena, l-arloġġi smart tal-elettriku u dawk tar-radjofrekwenza tal-ilma (RF) ġeneralment taw riżultati pożittivi. Dan inkluda t-trasmissjoni awtomatika ta’ qari tal-arloġġi f’ħin reali bbażat fuq il-konsum attwali. L-Enemalta rnexxielha wkoll tnaqqas sostanzjalment l-ammont ta’ elettriku li għalih ma jkunx ħareġ kont minħabba apparent losses. Fl-istess ħin, din l-entità użat politika aggressiva għal ġbir ta’ dħul dovut fejn kien hemm każijiet ta’ serq tal-elettriku. Dan kollu wassal biex il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) użat data biex tiskopri f’ħin reali fejn hemm ħela tal-ilma, u b’hekk tnaqqas il-piż finanzjarju bla bżonn u n-numru ta’ ħaddiema operattivi, u ttejjeb is-servizz għall-klijenti.
Għal kontijiet ibbażati fuq il-konsum attwali permezz ta’ arloġġi smart tad-dawl u tal-arloġġi RF tal-ilma, bħalissa jeżisti potenzjal stmat li jqarreb lejn id-90 fil-mija tal-kontijiet kollha ta’ dawn is-servizzi. Fil-prattika, iżda, fl-2020 din l-istatistika kienet madwar 80 u 67 fil-mija rispettivament. Din il-varjanza hija dovuta għal diversi kwistjonijiet tekniċi li jirriżultaw f’dewmien fit-trasmissjoni tal-qari tal-arloġġi. Fil-każ tal-arloġġi tal-ilma, din il-varjanza ġejja wkoll minn interpretazzjoni differenti li WSC u ARMS jagħtu lil arloġġ tal-ilma ‘mwaqqaf’.
Apparent losses relatati mal-elettriku naqsu b’76 fil-mija, li jissarraf f’valur ta’ aktar minn €45 miljun. Min-naħa l-oħra, konsum mhux ikkalkulat relatat mal-ilma baqa’ stabbli matul dan tal-proġett kollu, l-aktar minħabba s-suxxettibilità akbar għal ħsarat tekniċi fl-arloġġi tal-ilma. Studju riċenti tal-WSC u l-ARMS ikkalkula li fl-2021 kien hemm 17,928 arloġġ tal-ilma mmarkati għall-ispezzjoni. Dan jammonta għal aktar minn 6 fil-mija tal-kontijiet totali tal-ilma.
Minkejja l-livell għoli ta’ awtomazzjoni, l-effiċjenza marbuta mal-ħruġ tal-kontijiet mill-ARMS mhux dejjem laħqet il-livelli previsti. In-numru ta’ ħaddiema impjegati mill-ARMS żdied b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin. Madanakollu, mhux dejjem kien ċar għaliex kien hemm dawn iż-żidiet meta kemm il-kontijiet, kif ukoll il-funzjonijiet amministrattivi, kienu kważi awtomatizzati għalkollox. ARMS issostni li ż-żieda fl-istaff hija riflessa fis-servizzi ġodda offruti kif ukoll fl-effiċjenza tal-proċessi interni fi ħdan id-dipartimenti ta’ din l-aġenzija.
Il-kumpaniji tad-dawl u l-ilma flimkien mal-ARMS dejjem ibbażaw il-kontijiet fuq bażi pro-rata. F’dan il-każ, il-units f’tariff bands differenti jitqassmu proporzjalment kull xahar jew xahrejn skont it-tip u l-perjodu tal-kont. Din il-prattika kienet approvata mir-Regolatur. Dan ir-rapport sab li kontijiet maħduma skont din il-metodoloġija ġeneralment kienu korretti. Madankollu, il-metodoloġija relatata mal-konsum tal-elettriku hija s-suġġett ta’ litigazzjoni fil-Qorti. Minn rapporti oħrajn, l-NAO kkonferma li toħroġ varjanza bejn il-metodoloġija attwali tal-kontijiet u l-metodu annwalizzat. Fit-tieni każ, il-kontijiet jinħadmu billi l-konsum jitqies fuq sena skont il-massimu ta’ units u eko-kontribuzzjoni li jintużaw f’dan il-perjodu. Fil-fatt, l-analiżi tal-NAO turi li, fl-2020, 46 u 63 fil-mija tat-total tal-kontijiet li ġew studjati, tad-dawl u tal-ilma rispettivament, ma kellhomx varjanza sinifikattiva, essenzalment ta’ anqas minn €2 fis-sena, waqt li l-varjanzi ferm aktar sinifikattivi kienu dovuti għas-sezzjoni ta’ dawk li jkollhom konsum qawwi.
Peress li l-każ huwa sub judice, huwa prudenti li l-NAO jillimita l-kummenti tiegħu għal dak imsemmi hawn fuq. Minkejja dan, fid-diskors riċenti tal-Baġit, il-gvern impenja ruħu li jindirizza l-kwistjonijiet relatati mal-metodoloġija tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. F’dan ir-rigward, dan l-uffiċċju jħoss li huwa importanti li nżommu quddiem għajnejna l-prinċipju fundamentali li min iniġġeż għandu jħallas, li huwa stipulat fl-Artiklu 191 tat-Trattat dwar il-mod ta’ kif tiffunzjona l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-rapport huwa aċċessibbli minn www.nao.gov.mt jew mill-paġna ta’ Facebook www.facebook.com/NAOMalta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958