Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA: Is-Sur Leo Brincat, Membru Malti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, jagħmel żjara uffiċjali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika

pr211970
Date Icon 01/11/2021

Il-membru Malti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) is-Sur Leo Brincat dalgħodu għamel żjara uffiċjali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fejn ġie milqugħ mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara u mid-Deputat Awditur Ġenerali Noel Camilleri.

L-għan prinċipali ta’ din iż-żjara kien biex is-Sur Brincat jippreżenta lill-Awditur Ġenerali kopja tar-Rapport Annwali tal-Qorti li għadu kif ġie ppubblikat nhar it-Tlieta li għadda.  

Waqt l-indirizz tiegħu, is-Sur Brincat enfasizza l-bżonn li l-koperazjoni bejn l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tibqa’ dejjem tissaħħaħ speċjalment l-aktar għaliex l-objettivi taż-żewġ entitajiet huma prattikament identiċi – essenzjalment li jsir l-aqwa użu tal-fondi pubbliċi, fl-aħjar interess taċ-ċittadini kollha tagħna. Huwa esprima l-apprezzament tiegħu għax-xogħol siewi li qed isir mill-NAO biex tissaħħaħ dejjem aktar il-governanza tajba fis-settur pubbliku. Is-Sur Brincat qal ukoll li l-pandemija COVID-19 ressqet viċin lill-Qorti tal-Awdituri ma’ sieħba oħra ta’ stima, għax apparti li żdiedu l-kuntatti f’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza, il-partijiet involuti kellhom l-opportunità li jpoġġu fil-prattika lezzjonijiet li tgħallmu mingħand xulxin. Dan ippermetta li jibqgħu jinħarġu rapporti ta’ livell għoli minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli li d-dinja kellha tħabbat wiċċha magħhom.

Finalment, is-Sur Brincat wassal ukoll l-apprezzament sħiħ tiegħu lill-NAO għall-organizzazzjoni ta’ seminar konġunt ieħor li għandu jsir għada filgħodu. Huwa qal li dawn l-attivatijiet huma importanti għax permezz tagħhom l-istaff tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u tad-Dipartiment tal-Internal Audit and Investigations  ikun jista’ jinżamm aġġornat dwar l-aħjar prattiki u aġġornamenti fil-qasam tal-awditjar għas-settur pubbliku, speċjalment dwar suġġetti emerġenti f’dan il-qasam.

Min-naħa tiegħu, l-Awditur Ġenerali rringrazzja lis-Sur Brincat li minkejja l-bosta impenji li għandu matul din iż-żjara qasira f’Malta sab il-ħin li jerġa’ jżur l-Uffiċċju. Hu awgura li s-seminar konġunt li se jsir għada jkun ieħor ta’ suċċess bħalma kienu s-seba’ edizzjonijiet li saru qabel.

L-Awditur Ġenerali kkonferma li r-Rapport Annwali tiegħu għal din is-sena huwa fi stat avvanzat ħafna u huwa mistenni li jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin. Fil-fatt, huwa esprima l-apprezzament sħiħ tiegħu lid-Deputat Awditur Ġenerali, lill-management u lill-istaff kollu tal-Uffiċċju għad-dedikazzjoni, il-kompetenza u l-professjonalità li konsistentament juru fix-xogħol tagħhom – kif rifless fil-bosta rapporti fuq temi differenti li ġew ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika matul din is-sena.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA: Is-Sur Leo Brincat, Membru Malti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, jagħmel żjara uffiċjali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA: Is-Sur Leo Brincat, Membru Malti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, jagħmel żjara uffiċjali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow